Nilagħbu bi Kliemna
Nilagħbu bi Kliemna huwa programm offrut bla ħlas mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu lill-istudenti tal-iskejjel primarji kollha madwar Malta u Għawdex. Ġie introdott fil-bidu tas-sena 2024 u kompla jibni fuq il-programm Spellitona / Raddiena Kliem.
Dan il-programm jikkonsisti minn sitt logħbiet edukattivi, waħda għal kull sena, li l-għan tagħhom hu li l-istudenti jkomplu jsaħħu l-ħakma tagħhom tal-ilsien Malti billi jtejbu l-ħiliet tagħhom f’oqsma varji tal-lingwa, fosthom: l-ortografija, il-grammatika, is-sintassi, il-fonetika u l-vokabularju. Kull attività, li ttul madwar 40-45 minuta u ssir darba biss ma’ kull klassi, hija addattata b’tali mod li tieħu inkonsiderazzjoni l-età tal-istudenti kif ukoll il-livell tagħhom fil-Malti (eż. issir distinzjoni fil-modalità tal-attività skont jekk l-istudenti humiex kelliema nattivi jew humiex barranin b’għarfien bażiku tal-Malti).
Mill-A saż-Żeta’ – ‘Mill-A saż-Żeta’ hija logħba edukattiva maħsuba għall-istudenti tal-ewwel sena tal-iskola primarja. L-għan prinċipali tagħha huwa li tgħin lill-istudenti jwessgħu l-vokabularju tagħhom bl-ilsien Malti, kif ukoll jiffamiljarizzaw ruħhom mal-alfabett u l-fonoloġija Maltija. Waqt din l-attività, l-istudenti jinqasmu fi gruppi u jintalbu jidentifikaw (i) l-isem tal-oġġett jew ħlejqa li jkun hemm fl-istampa u (ii) b’liema ittra tibda dik il-kelma. Bħala grupp jintalbu jaħsbu fi kliem ieħor li jibda bl-ittra magħżula.
‘Żewwiġhom’ – ‘Żewwiġhom’ hija logħba edukattiva maħluqa għall-istudenti tat-tieni sena tal-iskola primarja. L-għan prinċipali tagħha huwa li tgħin lill-istudenti jkabbru l-vokabularju tagħhom bl-ilsien Malti billi jitgħallmu jassoċjaw oġġetti differenti marbutin mal-istess qasam, bħalma huma l-affarijiet li nsibu d-dar, l-iskola, makkinarju marbut ma’ snajja’ partikolari, u oħrajn. Waqt din l-attività, l-istudenti jinqasmu fi gruppi u jingħataw settijiet ta’ leħħiet li jikkonsistu fi stampi u kliem. Huma jintalbu jqabblu l-kelma li tikkorrispondi għal kull waħda mill-istampi u fl-aħħar nett jintalbu jgħaqqdu l-istampi u l-kliem f’pari.
‘Żomm Għajnejk Miftuħa’ – ‘Żomm Għajnejk Miftuħa’ hija logħba edukattiva offruta lill-istudenti tat-tielet sena tal-iskola primarja. L-għan prinċipali tagħha huwa sabiex ngħinu lill-istudenti jsiru midħla tar-regoli ortografiċi tal-Malti marbuta mal-użu tal-ittri żgħar u dawk kapitali. Waqt din l-attività, l-istudenti jitqassmu fi gruppi u jipparteċipaw fi kwiżż fejn ma’ kull mistoqsija jingħataw stampa, sentenza bħala għajnuna flimkien ma’ għadd ta’ ittri mħalltin li permezz tagħhom ikunu jistgħu jaslu għall-kelma t-tajba.
‘Fittixha’ – ‘Fittixha’ hija logħba edukattiva maħsuba għall-istudenti tar-raba’ sena tal-iskola primarja. L-għan prinċipali tagħha huwa sabiex ngħinu lill-istudenti jsaħħu l-ħakma tagħhom tal-ilsien Malti, fosthom billi jsiru familjari mar-regoli ortografiċi u jsaħħu l-għarfien tagħhom tar-regoli grammatikali. Waqt din l-attività, l-istudenti jinqasmu fi gruppi u jingħataw fittiexa flimkien ma’ għadd ta’ stampi li minnhom iridu jaslu għall-kelma mixtieqa. Wara li jispellu l-kliem, jintalbu jsibuh u jimmarkawh fil-fittiexa.
‘Raddiena Kliem’ – ‘Raddiena Kliem’ hija logħba edukattiva maħluqa għall-istudenti tal-ħames sena tal-iskola primarja. L-għan prinċipali tagħha huwa sabiex ngħinu lill-istudenti jsaħħu l-ħakma tagħhom tal-ilsien Malti, fosthom billi jsiru familjari mar-regoli ortografiċi u jwessgħu l-vokabularju tagħhom bl-ilsien Malti. Waqt din l-attività, l-istudenti jinqasmu fi gruppi u jingħataw għadd ta’ ittri sabiex jiffurmaw kliem differenti bil-Malti li jikkonsisti minn żewġ ittri ’l fuq.
‘Seħer il-Kliem’ – ‘Seħer il-Kliem’ hija logħba edukattiva offruta lill-istudenti tas-sitt sena tal-iskola primarja. L-għan prinċipali tagħha huwa sabiex ngħinu lill-istudenti jsaħħu l-ħakma tagħhom tal-ilsien Malti, fosthom billi jwessgħu l-vokabularju tagħhom u jsaħħu l-għarfien tar-regoli sintattiċi. Waqt din l-attività, l-istudenti jinqasmu fi gruppi u jingħataw tliet kelmiet sabiex jiffurmaw sentenza/i skont sett ta’ kriterji (fosthom dawk grammatikali, ortografiċi u sintattiċi).
Ikkuntattjana fuq Facebook Nilagħbu bi Kliemna jew ċempel 2598 3333.