Il-Programm tal-Litteriżmu għall-Familji, Nwar / Nwar Family Literacy Programme
Nwar huwa programm tal-litteriżmu għall-familja wara l-ħin tal-iskola, immirat għal studenti tal-primarja li ma jkunux għadhom kisbu l-ħiliet bażiċi fil-litteriżmu. Ir-razzjonal tal-programm Nwar għandu l-għan li jagħti sapport lill-istudenti ta’ bejn it-Tielet u s-Sitt sena fl-iskejjel primarji, li jiġu identifikati li qed ibatu fil-qari u l-ispellija. Għalliema tal-litteriżmu ddedikati li jkunu attendew kors ta’ żvilupp personali fil-litteriżmu jipprovdu intervent sistematiku tal-litteriżmu lil dawn l-istudenti u jħeġġu, jimmotivaw u jipprovdu ħiliet lill-ġenituri/kustodji li huma mistennija jakkumpanjaw lil dawn l-istudenti. L-istudenti jitqassmu fi gruppi omoġenji skont l-età, il-lingwa magħżula u l-livell tal-litteriżmu (3/4 studenti f’kull grupp). Is-sessjonijiet ikunu ta’ siegħa, darbtejn fil-ġimgħa għal massimu ta’ 4 semestri (sentejn) jew sakemm l-istudenti jiksbu l-livell bażiku ta’ litteriżmu.
Dan il-programm isir darbtejn fil-ġimgħa fi ħdax-il lokalità differenti f’Malta u Għawdex: Bormla (Cospicua), Raħal Ġdid, Ħal Qormi San Bastjan, San Ġwann, ir-Rabat, il-Ħamrun, L-Imsida, Ħaż-Żabbar, iż-Żurrieq, San Pawl il-Baħar u x-Xewkija.
Ikkuntattjana fuq Facebook Nwar Programme jew ċempel 2598 3323.