(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Xewku u Peprina 1: Xewku, Peprina u Bebbuxa l-Qattusa

Xewku u Peprina, żewġ għefieret żgħar, kienu qegħdin jiġru qalb il-ħaxix jippruvaw jaqbdu xi farfett milli kien hemm jittajru fuq il-fjuri. Kien żmien ir-rebbiegħa, u fjuri kien hemm kemm tara b’għajnejk. Fjuri kull kulur u riħa tfuħ taqsamlek qalbek. L-arja kienet ftit friska u x-xemx kienet dieħla u ħierġa tistaħba wara s-sħab.
null
Paġna 1
Xewku kien qiegħed jistaħba wara l-ħaxix għoli jistenna l-farfett joqgħod fuq il-fjura, biex imbagħad jaqbeż qabża u jipprova jaqbdu. Ma tantx kien jirnexxilu għax il-friefet ma kinux boloh. Kienu drawh jaqbeż għal fuqhom. Kienu joqogħdu għassa u malli jarawh jaqbeż kienu jaħarbu post ieħor. Dawn Xewku u Peprina lill-friefet kienu dejquhom, moħħhom biex jaqbduhom u ma jħalluhomx bi kwiethom!
null
Paġna 2
Wara ftit ħin jaqbeż għalxejn, Xewku ddejjaq u qal lil Peprina biex imorru xi mkien ieħor ħalli jaraw isibux ma’ min jaqbdu. Imxew ftit lejn fejn kien hemm is-siġar u malli waslu xxabbtu ma’ siġra li kellha l-friegħi fil-baxx. Telgħu ’l fuq ħalli jkunu jistgħu jaraw iżjed fil-bogħod.
null
Paġna 3
Raw is-siġra l-kbira tal-ħarrub fejn kienet moħbija d-dar tagħhom. Din kont tidħol għaliha minn ġo toqba bejn l-għeruq tal-ħarruba. Raw ukoll il-ġebel kbir fejn kienu jgħixu l-fniek is-slavaġ. Fuq in-naħa l-oħra kien hemm nixxiegħa żgħira bl-ilma jgelgel minn toqba fil-blat fil-ġenb ta’ wied żgħir. Fuq kull ġenb tal-wied kien hemm għelieqi kbar bl-irziezet tal-annimali.
null
Paġna 4
Taħt zokk ta’ siġra mhux ’il bogħod, raw lil Bebbuxa l-qattusa rieqda raqda għall-frisk. Moħħ Xewku mill-ewwel beda jhewden x’se jivvinta biex jinbex il-qattusa. Jagħtiha qatgħa tgħid? Le, dik diġà kien għamilhielha darba oħra. Mela x’jagħmel tgħid? Ħaseb fuq li ħaseb sakemm fl-aħħar ġieh ħsieb f’moħħu kif setgħu jidħku daħka b’Bebbuxa!
null
Paġna 5
Qal lil Peprina biex imorru jfittxu xi ħaġa biex jorbtu biha. Malajr bdew iduru mal-wied u fl-aħħar Peprina sabet biċċa ħabel irqiq mhux twil ħafna. Urietu lil Xewku u qalilha li kien tajjeb ħafna għal dak li kellu f’moħħu! Fissrilha x’kellhom jagħmlu u telqu nkiss inkiss għal ħdejn is-siġra, bil-qattusa rieqda raqda fil-fond taħtha.
null
Paġna 6
Kif qorbu mhux ħażin, sparixxew it-tnejn. Imma mhux billi ma kinux jidhru, hemm kienu għadhom u iktar qagħdu attenti biex ma jagħmlux ħoss ħalli lil Bebbuxa ma jqajmuhiex. Resqu warajha u Peprina rabtet il-ħabel ma’ denb il-qattusa, u Xewku rabat it-tarf l-ieħor mas-siġra.
null
Paġna 7
Xħin kienu lesti, resqu ftit ’il bogħod u bdew jaqbżu u jgħajtu ħalli jqajmu lil Bebbuxa. Din, miskina, meta semgħet dak l-istorbju kollu qamet b’ħasda u qabżet qabża kbira biex taħrab minn hemm, imma minflok marret ’il quddiem reġgħet inġibdet lura b’saħħa kbira u nstabtet mal-art. X’kien ġara?
null
Paġna 8
Bebbuxa, imwerwra u ma tafx x’qiegħed jiġri, bdiet tnewwaħ u titħabat biex tipprova taħrab minn dak li kien qiegħed jiġbidha lura minn denbha. F’daqqa waħda rat lil Xewku u ’l Peprina jidħku kemm jifilħu. Bebbuxa ndunat li din kienet xi praspura minn tagħhom. Waqfet titħabat, ħarset lura ħalli tara għalfejn ma setgħetx tinqala’ minn hemm u tara li denbha kien marbut b’ħabel mas-siġra.
null
Paġna 9
Jekk jirnexxilha tinħall, turih lil Xewku kif joqgħod jinki lil ħaddieħor! Bdiet timxi lura u ’l quddiem bil-mod u tiġġebbed ħalli forsi denbha joħroġ mill-ħabel. Ftit ftit il-ħabel beda jiżloq minn ma’ denbha u f’daqqa waħda sabet ruħha ħielsa. Qagħdet kwieta kwieta taparsi għadha marbuta.
null
Paġna 10
Sadanittant Xewku u Peprina tant kienu qegħdin jidħku li ma ndunawx li Bebbuxa kienet inħallet. X’għamel l-inkejjuż ta’ Xewku? Qam mill-art u mar quddiem Bebbuxa jgħajjibha u jxejjer idejh, jisfidaha tiġi għalih. Bebbuxa ħallietu jikkummiedja ftit imbagħad qabżet għal fuqu u bdiet tigref fih kemm tiflaħ. Malajr neħħietlu l-arja li kellu!
null
Paġna 11
Imwerwer b’Bebbuxa tiggranfa miegħu kien se jispiċċa ħażin li kieku Peprina ma bdietx tgħajjat kemm tiflaħ u tgħidlu jisparixxi, ħalli Bebbuxa ma tkunx taf fejn qiegħed! Bebbuxa filli qiegħda tattakkah u f’daqqa waħda Xewku ma deherx iżjed! Imma laħqet għamlitlu erba’ girfiet mhux ħażin u l-lezzjoni kien tgħallimha. Ma kienx se jazzarda jinbex lil Bebbuxa darba oħra!
null
Paġna 12
Tmiem