(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Tikku Jsib Dar Ġdida

Darba waħda kien hemm kelb żgħir ħafna li kien jgħix taħt siġra kbira f’għalqa abbandunata. La kellu x’jiekol, la fejn jorqod u lanqas fejn jistkenn mill-bard, mix-xemx u mix-xita. Kien jixrob mill-għadajjar tax-xita, meta jsib. Ħbieb ma kellu lil ħadd; kien minsi minn kulħadd.
null
Paġna 1
Matul il-ġurnata kien imur idur dawra mar-raħal forsi jsib xi ħaġa x’jiekol u filgħaxija kien imur lura fl-għalqa u jidħol jitgeddes taħt is-siġra. Miskin, tant kien irqiq li l-għadam ta’ ġismu kollu kien jidher. La kellu isem u lanqas x’kulur kien ma stajt tgħid, daqskemm kien maħmuġ. Il-pil tiegħu kien kollu mnittef u matt.
null
Paġna 2
Jum wieħed, huwa u miexi lura lejn is-siġra, għajjien mejjet u b’ġuħ kbir fuqu, lemaħ xi ħaġa tleqq taħt is-siġra. Ħaffef il-pass u ntebaħ li, hemm eżatt fejn kien jorqod hu, kien hemm platt tal-metall mimli ikel tal-klieb. Lanqas ried jemmen lil għajnejh u bla ma ħasibha darbtejn bela’ dak l-ikel bnin f’nifs wieħed.
null
Paġna 3
Dak il-lejl raqad kuntent b’żaqqu mimlija. Qatt ma kien jiftakar li raqad daqshekk sew! L-għada, bħas-soltu, mar jagħmel id-dawra mar-raħal. Dakinhar ma kien sab xejn x’jiekol u meta sar il-ħin mar lura lejn l-għalqa b’żaqqu tgorr. Kemm xtaq li bħall-ġurnata ta’ qabel isib xi platt ikel bnin jistennieh!
null
Paġna 4
Mill-bogħod lemaħ il-platt tal-metall li kien mimli ikel tal-klieb. Ferħan se jtir ġera lejh b’kemm kellu saħħa u kielu kollu. Lanqas farka waħda ma ħalla, u l-platt tant laqqtu sew li kont taħseb li għadu ġdid! Bil-ġuħ li kellu ma kienx intebaħ bit-tifla ċkejkna tħares lejh minn ftit ’il bogħod!
null
Paġna 5
Inħasad xħin kellmitu u ma kienx jaf kellux jaħrab jew jibqa’ hemm. Qatt ħadd ma kien kellmu qabel. Imma wara kollox kienet hi li kienet qed iġġiblu dak l-ikel tajjeb. Ma kellux għalfejn jibża’ minnha u jaħrabha.
“Kemm inti rqiq u maħmuġ!” qaltlu t-tifla bil-ħlewwa hekk kif għamlet żewġ passi lejh. “Issa ejja d-dar miegħi u nieħu ħsiebek jien.”
null
Paġna 6
It-tifla qabdet miexja u għamlitlu sinjal biex jimxi warajha. Il-kelb mexa bil-mod warajha. Kien xi ftit imbeżża’ għax ħadd qatt ma kien ta kasu qabel. Ma damux ma waslu f’dar f’tarf ir-raħal. It-tifla baqgħet dieħla ġewwa u l-kelb daħal warajha, imma hekk kif kienet se tagħlaq il-bieb, twerwer u telaq jiġri ’l barra.
null
Paġna 7
Il-kelb qatt ma kien daħal ġo dar qabel u nfixel. It-tifla bdiet tibki. “Ara x’għamilt! Beżżajtu u telaq. Kollu t-tort tiegħi!” U bil-biki li bkiet lanqas kienet intebħet li l-kelb kien reġa’ ġie u kien qed jittawlilha minn ħdejn il-bieb ta’ barra.
“Wuff, wuff,” beda jinbaħ u jferfer denbu l-kelb. “Wuff, wuff.”
null
Paġna 8
Kemm ferħet it-tifla u għannqitu magħha! “Jiena Katrina u inti se jkun jismek Tikku,” qaltlu t-tifla. “Issa ejja miegħi ħa naħslek u nagħtik tiekol u tixrob.”
Katrina ħaslet ħasla sew lil Tikku u l-pil ħamrani tiegħu malajr ġie jleqq u nadif. It-tifla libbsitu kullar ikħal u ħaditu fejn kaxxa kbira. Fiha kien hemm kutra ratba u maġenbha kien hemm skutella mimlija ikel tal-klieb ifuħ u skutella tal-metall mimlija ilma frisk. Fil-kaxxa sab ballun biex jilgħab u għadma xi jgerrem.
null
Paġna 9
Kemm ħassu kuntent Tikku dakinhar! Ħassu l-aktar kelb kuntent tad-dinja. Issa seta’ jserraħ rasu li kien se jsib x’jiekol kuljum. U Katrina wkoll ħassitha ferħana se ttir għax fl-aħħar kellha l-kelb tagħha, li tant kienet ilha tixtieq!
null
Paġna 10
Tmiem