(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Tigger Jaħrab mid-Dar

Darba waħda kien hemm qattus li kien jismu Tigger. Kien kuntent jgħix f’dar fejn kulħadd kien iħobbu u jfissdu kemm jiflaħ. Kienu jħalluh imur fejn irid; fuq, isfel, fil-gallarija, fil-ġnien u anke fuq il-bejt. Fejn jorqod kellu qoffa kbira u komda, u dejjem nadifa. Ikel u xorb kellu kemm ried u ġugarelli kellu bil-bosta.
null
Paġna 1
Imma fost il-membri tal-familja kollha, Martina kienet l-aktar waħda li tħobbu. Lanqas tilħaq tarah li ma kinitx toqgħod tilgħab miegħu. U daqqa bil-ballun u daqqa tgħarrxu u xi drabi tiġri warajh ukoll. Meta kien ifettlilha kienet toqgħod tlibbsu ċ-ċfuf u tomxotlu l-pil folt li kellu.
null
Paġna 2
F’kelma waħda Tigger ma kien jonqsu xejn, sakemm jum fost l-oħrajn inbidel kollox. Kienet ġurnata xitwija, Tigger kien qed jogħnos fil-qoffa tiegħu, meta ħass lil xi ħadd dieħel ħdejh u jitgeddes miegħu. Hemm ħdejh, fil-qoffa tiegħu, kien hemm daqsxejn ta’ qattus ċkejken, abjad karti b’par għajnejn kbar.
null
Paġna 3
“Mjaw, mjaw,” beda jnewwaħ Tigger. “Mjaw, mjaw.”
Martina ġiet minnufih tara x’ġara. Ma dehritx sorpriża bil-qattus fil-qoffa tiegħu u lanqas għamlet xejn! Anzi ressqet il-plattina bil-ħalib ta’ Tigger lejn il-qattus ċkejken u dan beda jixrob minnha, filwaqt li bdiet tmellsu bil-ħlewwa. Tigger xejn ma ħa gost b’dan u telaq ’l hemm, imma Pipin, dak il-qattus ċkejken, mexa warajh.
null
Paġna 4
U baqgħu sejrin hekk għal ġimgħa sħiħa. Pipin beda jimxi warajh kull fejn imur, jixrob u jiekol mill-istess plattini tiegħu u jorqod fl-istess qoffa miegħu. Saħansitra kien jilgħab bil-ġugarelli tiegħu wkoll. Tigger ħassu mxebba’ u għamel f’rasu li jaħrab mid-dar. Mal-ewwel ċans li sab ħarab jiġri ’l barra bla ma ħalla lil ħadd jinduna.
null
Paġna 5
Martina tgħidx kemm fittxitu. Kullimkien daret fuq u isfel, u daħlet f’kull kamra tad-dar, imma ma sabitu mkien; la fil-gallarija u lanqas fuq il-bejt. Kien kollu ta’ xejn li bdiet issejjaħlu, għax Tigger baqa’ ma tfaċċax. Pipin ukoll ipprova jfittxu, u dar kull rokna tad-dar li fiha Tigger kien iħobb imur forsi jsibu hemm, imma għalxejn.
null
Paġna 6
Pipin issa kellu l-qoffa kollha għalih waħdu, imma mingħajr Tigger ma kinitx l-istess. L-ikel u l-ħalib kienu kollha għalih biss, imma aktar kienu jinżlulu għasel b’Tigger ħdejh. Fl-aħħar, ftit wara li dalam, instemgħet tinwiħa rqiqa ġejja minn barra. It-tifla fetħet il-bieb fil-pront u hemm quddiemha sabet lil Tigger imxarrab għasra u jterter bil-bard.
null
Paġna 7
Daħħlitu ġewwa, ixxuttatu sew u tatu jixrob ftit ħalib sħun. “Tassew hija ħasra li ma tistgħux tgħixu flimkien, int u Pipin,” qaltlu t-tifla hi u tpoġġih fil-qoffa tiegħu.
Ħares madwaru u ntebaħ li ħdejn il-qoffa tiegħu kien hemm qoffa iżgħar u fiha kien hemm Pipin rieqed. Innota wkoll li Pipin issa kellu l-plattina tal-ikel tiegħu u plattina tal-ħalib ukoll. Tigger ma kienx jiddejjaq kieku Pipin baqa’ jorqod ħdejh u jiekol u jixrob miegħu!
null
Paġna 8
Kien ferm aħjar b’Pipin ħdejh milli barra fil-bard u x-xita. U meta Pipin qam, Tigger stiednu fil-qoffa ħdejh, u meta sar ħin l-ikel Tigger u Pipin kielu u xorbu mill-istess plattini. Kull fejn tħares kont dejjem tara liż-żewġt iqtates jilagħbu flimkien. U kull fejn imur Tigger dejjem kont issib lil Pipin isegwih. Tigger kien ferħan u Pipin ukoll, imma l-aktar waħda kuntenta kienet Martina. Sa fl-aħħar iż-żewġt iqtates kienu saru ħbieb!
null
Paġna 9
Tmiem