Belinda kellha tapit oranġjo fil-kamra tagħha, fejn is-sodda. Kien it-tapit favorit tagħha. Kull filgħodu kienet tniżżel saqajha fuqu u tagħmel dik il-kwarta bilqiegħda f’tarf is-sodda, tiċċassa lejh. Tapit kollu ċrieki, waħda ġol-oħra. Oranġjo skur, oranġjo ċar, oranġjo aktar ċar...
Kien kwadru u artab ħafna. Min jaf kemm-il darba qabel tidħol torqod Belinda kienet tintefa’ fuqu, daharha mas-sodda, komda komda, tikteb, taqra, tħażżeż, jew inkella tpinġi, għax Belinda kienet tħobb tpinġi ħafna wkoll.













