(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Talita Tħobb Tiekol

Bħalma jagħmel ta’ kull filgħodu wara li jkun ħa l-kolazzjon, Kris ħareġ fil-ġnien. Fil-ġnien Kris għandu guva kbira mimlija għasafar ikkuluriti ta’ tipi differenti. L-għaxqa tiegħu joqgħod jarahom itiru min-naħa għall-oħra tal-guva u minn fuq passiġġiera għall-oħra. Il-guva kien għamilhielu missieru meta rah li kien iħobb daqshekk l-għasafar.
null
Paġna 1
Kuljum kien jara li l-bieqji tal-ilma jkunu mimlijin sax-xfar b’ilma nadif u kien jieħu ħsieb jimlielhom il-platti tal-ikel bl-iskalora u żrieragħ oħra friski. Imma l-aktar li kien jieħu gost kien xħin jarahom kollha jiġu jieklu f’salt. Diversi għasafar differenti minn xulxin u la qatt jiġġieldu jew jimbuttaw lil xulxin! Anzi jersqu b’tali mod li lkoll ikollhom post biex jieklu.
null
Paġna 2
Kris kien dera li eżatt kif joħroġ fil-ġnien qatgħa għasafar tal-bejt itiru f’daqqa hekk kif iħossuh ġej. Kienu jnisslulu tbissima għax jistħajjilhom li kienu jkunu qed jisirqu l-iskalora li l-għasafar tiegħu jkunu tajru barra l-guva, u hekk kif jarawh jaħarbu jiġru biex ma jinqabdux. Imma hu kien jaf li dan jagħmluh għax jitgerrxu minnu.
null
Paġna 3
It-tifel mhux l-ewwel darba li kien iħalli plattina bi ftit frak tal-ħobż fuq iċ-ċint biex l-għasafar tal-bejt isibu xi jnaqqru, għax dawk, imsieken, ħadd ma kien jitmagħhom. Iżda dakinhar l-għasafar tal-bejt ma kinux ġew. Il-ħoss ta’ ġwenħajhom ma semgħux. It-tifel tħasseb u resaq jittawwal fejn is-soltu jkunu qed inaqqru.
null
Paġna 4
B’għaġeb kbir lemaħ ħamiema sewda kbira tnaqqar għall-kwiet il-frak tal-ħobż li kien ħalla l-ġurnata ta’ qabel għall-għasafar tal-bejt. ‘Għalhekk ma ġewx l-għasafar illum!’ ħaseb bejnu u bejn ruħu t-tifel. ‘Għax beżgħu minn din il-ħamiema!’
null
Paġna 5
Għall-bidu, Kris ħaseb li l-ħamiema kienet imweġġgħa għax din ma taritx xħin resaq qrib. Imma malajr intebaħ li dik il-ħamiema ma kellha xejn, imma kienet biss mansa, tant li ħallietu jmissha. U ta’ kull filgħodu t-tifel kien ikun ħerqan jara jekk dik il-ħamiema kinitx ġiet tiekol il-frak tal-ħobż u l-qamħirrun li kien iħallilha.
null
Paġna 6
Il-ħamiema baqgħet tiġi ta’ kull filgħodu. It-tifel baqa’ jaħseb fuq kemm kienet mansa dik il-ħamiema. “Żgur li hija ta’ xi ħadd biex hi daqshekk mansa,” irraġuna Kris. “Imma ta’ min tista’ tkun?”
Fl-aħħar ġietu idea ta’ x’kellu jagħmel biex isir jaf jekk dik il-ħamiema kellhiex sid jew le. Daħal jiġri ġewwa u ġab biċċa karta żgħira, lapes u biċċa żigarella. Fuq il-karta kiteb: Jien min jien? Għandi sid jew le? Gerbeb il-karta romblu, dawwar iż-żigarella magħha u dendilha bil-galbu m’għonq il-ħamiema.
null
Paġna 7
L-għada filgħodu lanqas sabar jiekol il-kolazzjon ma kellu, għaliex malli qam ħareġ jiġri fil-ġnien biex jara l-ħamiema kinitx ġiet u jekk kinitx ġabet xi nota magħha. It-tifel mill-ewwel intebaħ li l-karta li kellha m’għonqha l-ħamiema ma kinitx l-istess waħda li kien poġġa hu!
null
Paġna 8
Anzjuż u b’ġentilezza neħħa l-karta minn m’għonq il-ħamiema, fetaħha u qara n-nota: Jiena Talita, għandi sid, dar fejn ngħix u ikel kemm irrid. Jekk jogħġbok tagħtinix niekol għax qed neħxien ħafna.
Kris tbissem, u filwaqt li qabad il-ħamiema f’idejh qalilha: “Iva, ja żaqqieqa! Mela mhux veru tkun bil-ġuħ, imma għax tħobb tiekol tiġi hawn. Daqshekk ħallejtlek ikel!”
null
Paġna 9
U hekk kien. It-tifel ma baqax iħalli frak tal-ħobż u qamħirrun fuq iċ-ċint. Talita bdiet tiġi dejjem anqas, sakemm ma baqgħetx tiġi aktar. L-għasafar tal-bejt malajr reġgħu bdew jiġu jnaqqru l-iskalora mill-art. Kris kien kuntent għax kien ħass ħafna n-nuqqas tagħhom, imma kien moħħu mistrieħ li Talita kellha x’tiekol ukoll!
null
Paġna 10
Tmiem