oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Sulufa, in-Nannakola l-Mitlufa

null
Is-Sinjura Bellizzi kienet tgħix ġo dar kbira li kienet miżbugħa roża u abjad. Kellha ġnien kbir ħafna mad-dar tagħha u fih kien hemm ħafna siġar tal-frott, u ħafna pjanti bi fjuri differenti. Meta kien jiġi żmien ir-rebbiegħa dan il-ġnien kien jieħu l-ħajja bil-kuluri differenti u bil-fwejjaħ tal-fjuri u l-frott. Billi l-insetti kollha jkunu raqdu minħabba l-kesħa tax-xitwa, dawn imbagħad kienu jqumu u jixxalaw f’dak il-ġid ta’ ikel.
Paġna 1
null
Ovvjament, Sulufa n-nannakola wkoll qamet mir-raqda tagħha. Kif qamet qabadha ħafna ġuħ u allura ddeċidiet li tmur issib x’tiekol. Sulufa kellha kulur aħmar b’tikek suwed fuq daharha. Fetħet il-ġwienaħ u taret lejn il-pjanti sabiex issib insetti żgħar biex tikolhom. Dawn l-insetti żgħar jagħmlu ħsara lill-pjanti, għalhekk meta Sulufa tiekol minnhom tkun qiegħda tagħmel ġid lill-pjanti.
Paġna 2
null
Kif kielet xtaqet iddur dawra mal-ġnien ħalli tara jekk tiltaqax ma’ sħabha, għalhekk taret biex tmur għal fuq is-siġra tal-larinġ. Iżda lanqas laħqet waslet nofs triq li ma sabitx ruħha ġewwa ħalq għasfur, li beda jtir biha b’ħeffa kbira. Sulufa twerwret. Issa hi kienet saret ikel għall-għasfur. Dan ħadha ġo bejta u pprova jitfagħha ġo ħalq il-ferħ tiegħu biex iżoqqu, iżda Sulufa kienet ħafifa u ħarbet.
Paġna 3
null
Daħlet qalb iz-zkuk tal-bejta u staħbiet hemmhekk. L-għasfur il-kbir beda jipprova jilħaqha b’munqaru, iżda Sulufa bdiet dejjem tidħol ’il ġewwa bejn iz-zkuk. Kemm beżgħet Sulufa! “X’ser nagħmel issa?” bdiet tgħid bejnha u bejn ruħha. “Naf!” qalet. “Noqgħod hawn nistenna sakemm l-għasfur il-kbir jitlaq, imbagħad noħroġ minn taħt il-bejta u naħrab.”
Paġna 4
null
Hekk għamlet u kif tar l-għasfur il-kbir stenniet ftit u ħarġet minn ġol-bejta. Taret lejn l-eqreb pjanta u staħbiet wara werqa. Minn hemm setgħet tara fejn qiegħda. Kienet sabet ruħha mdawra b’ħafna għelieqi. Iżda djar ma setgħetx tara. “Kif ser nasal id-dar?” bdiet taħseb Sulufa. “M’hemmx x’tagħmel, ikolli ntir u nfittex.” Taret u bdiet iddur ’l hemm u ’l hawn mingħajr ma taf fejn ser tmur. Sulufa ndunat li kienet mitlufa.
Paġna 5
null
Waqt li kienet qiegħda ttir ipprovat toqgħod kemm jista’ jkun qrib il-pjanti ħalli ma terġax tispiċċa ikel. Sabet pjanta tal-ward u strieħet fuqha. Kemm kienu sbieħ u jfuħu dawk il-ward ħomor! Iżda bdiet tara u taħseb kif ser tasal lura d-dar. “Ix-xemx…” bdiet taħseb, “dik titla’ mil-Lvant u tinżel fil-Punent. Mela f’dan il-ħin nieżla u għalhekk jien irrid immur in-naħa l-oħra.”
Paġna 6
null
Bdiet ittir u tħaffef sakemm fl-aħħar, fil-bogħod, rat villaġġ. Kompliet ittir lejh sakemm rat id-dar li kienet miżbugħa roża u abjad. “Hemm hi! Sibtha!” bdiet tgħajjat bil-ferħ. U fl-aħħar waslet fil-ġnien u sabet ir-rokna favorita tagħha. X’avventura kienet għaddiet minnha fl-ewwel jum li qamet mir-raqda twila tax-xitwa! Iżda Sulufa tgħallmet li qabel ma tagħmel xi ħaġa għandha taħsibha u tara li m’hemmx perikli.
Paġna 7
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations