Illum id-dinja miexja dejjem aktar lejn sorsi alternattivi tal-enerġija li tiġġedded. Dan qed isir biex l-ekonomija ta’ ħafna pajjiżi tkun dejjem inqas dipendenti fuq is-suq taż-żejt u l-prezzijiet instabbli li jitilgħu u jinżlu f’salt skont iċ-ċirkostanzi. Barra minn hekk, l-ambjent huwa fattur ieħor importanti, peress li din it-tip ta’ enerġija tniġġes inqas mill-fjuwils fossili. L-enerġija li tiġġedded hija tip ta’ enerġija li ma tiddependix fuq riżorsi li jieħdu l-miljuni tas-snin biex jiffurmaw, iżda huma riżorsi li qegħdin dejjem madwarna u ma jispiċċawx, bħar-riħ, l-ilma u x-xemx.
Malta għadha kemxejn lura f’dan is-settur. Filwaqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea tipproduċi madwar 16% tal-enerġija minn sorsi alternattivi tal-enerġija li tiġġedded, sal-2014 Malta kienet għadha ma qabżitx il-5%.¹













