oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Sophie u l-Ħolm

null
Sophie ma tkunx trid torqod waħidha fil-kamra. Għalxejn il-mamà dendlitilha l-purtiera tal-qattus li tħobb! Għalxejn il-papà żebagħ il-kamra roża u vjola, l-aktar kuluri favoriti tagħha! Għalxejn Kitty, il-qattusa ta’ Sophie, titla’ ħdejha fuq is-sodda! Kollox għalxejn! Għax Sophie, hekk kif tidħol taħt il-friex, tibda timmaġina l-istejjer kollha li tgħidilha n-nanna Nina.
Paġna 1
null
Propja kien jisimha Karmelina imma n-nies kienu jsejħulha Nina, u Sophie erħilha tkantalha, “Nanna Nina, nanna Nina, nanna na,” u n-nanna tidħaq u ċċaqlaq żaqqha ma’ kull daħqa. In-nanna Karmelina kienet toqgħod ftit ’il bogħod mid-dar ta’ Sophie. Il-bieb tan-nanna kien isfar, bin-numru 3 mal-ġenb, fuq il-ħajt, u ħabbata forma ta’ wiċċ ta’ mara ħelwa bl-għeneb fuq rasha. Ħabbata tar-ram li xi darba kienet tleqq, imma issa saret qisha kannella skur.
Paġna 2
null
In-nanna Nina kienet toqgħod waħidha u Sophie kienet l-hena tagħha tqatta’ xi jumejn għandha. Apparti l-fatt li għall-ħabta tal-erbgħa u nofs kienet titlaq b’ġirja waħda s’għandha kważi kuljum. In-nanna kienet daqsxejn samranija, imbaċċa u mhux twila, u b’ħalqha dejjem imċarrat. Tidħaq, issajjar u tħit. Kienet ħajjata prima. Imma n-nanna kellha talent kbir ieħor. Ir-rakkuntar!
Paġna 3
null
Kull filgħodu, fil-ħamsa bumm kienet tistenbaħ, tieħu tazza te kbira daqs vażun, tixwi kisra ħobż tal-Malti fuq gradilja tal-ħadid, tidlikha dilka butir u erħilha tqarmeċ u tixrob dik il-belgħa te. Imbagħad tibda. Ċekċik tal-platti, tisbit tal-bibien tal-kabords, daqqiet tal-lembuba, il-bieba tal-friġġ tingħalaq u tinfetaħ, ir-radju mixgħul bilkemm jinstema’ imma kif jiġi xi marċ erħilha tgħollilu. Insomma, banda sħiħa.
Paġna 4
null
Kull filgħodu sal-għaxra tkun ġa għamlet l-ikel. Xi borma brodu tat-tiġieġ jew dixx imqarrun il-forn, jew ieħor bil-laħam u l-patata tqarmeċ, u jekk tkun xi festa l-hena tagħha tlesti xi sufflè kollu krema, ċikkulata, frott tal-bott, jelly u sponge. Trid seba’ għajnejn biex tħares lejh. Imma ħej għal xi s-siegħa ta’ waranofsinhar kienet tagħlaq il-bibien u t-twieqi mill-qilla tax-xemx u tintefa’ tistrieħ dik is-siegħa. Ngħiduha kif inhi, mhux siegħa, għax Alla jbierek kienet torqod sal-erbgħa, imbagħad terġa’ tqum tagħmel il-ħobż mixwi u belgħa te bħal filgħodu.
Paġna 5
null
U propju dak il-ħin li Sophie terħilha lejn id-dar tan-nanna Nina.
“Ara min hawn! Is-sbejħa tiegħi! Trid biċċa ħobż, sabiħa? Kemm qiegħda narak tinxtorob, ruħi qalbi! Mela m’intix tiekol? Eħ, daqt tisparixxi! Poġġi poġġi, trid biċċa mqarrun, jew trid naqtagħlek biċċa sufflè? Isa, sabiħa, kul għax timrad!”
“Le, nanna, le! Veru kilt.”
“Hux kilt kilt, ommok tgħidli li xejn ma tiekol. Ara ħa nagħmillek biċċa ħobż biż-żejt u llum ngħidlek l-istorja tal-Belt, trid?”
Paġna 6
null
In-nanna Nina kienet tintefa’ fuq is-siġġu li jitbandal waqt li Sophie toqgħod mal-art fuq it-tapit. U hekk kif it-tnejn ikunu komdi, in-nanna tibda tirrakkonta l-istejjer ta’ tfulitha, jew tal-iħirsa tal-passat u tal-preżent, u naħseb anke xi naqra tal-futur daqskemm kienet tgħaġġibhom! Hija tibda tberraq għajnejha u tferfer idejha.
Paġna 7
null
Sophie staqsietha, “Min bnieha l-Belt Valletta, nann?”
“Eħ! Dik bnewha l-kavallieri imma ħa ngħidlek, povri lsiera, tafx!” weġbitha n-nanna.
“Ilsiera x’inhuma, nann?” staqsietha konfuża Sophie.
“L-ilsiera kienu n-nies li l-kavallieri kienu jaqbdu waqt il-ġlied u jġibuhom lura Malta. Dawn imbagħad kienu jinbiegħu bħala sefturi lin-nies sinjuri. Fil-bini tal-Belt Valletta ħadmu eluf ta’ skjavi Maltin u xi Sqallin ukoll. U l-iskjavi ma tantx kellhom drittijiet, ta! Jekk ma kinux ilestu x-xogħol li kien ikun hemm bżonn, ma kinux ituhom x’jieklu!”
“Vera, nanna? Imsieken!”
“Dażgur li vera! U dak iż-żmien ma kellhomx krejnijiet bħal-lum, tafx! Kollox bl-idejn, u riedu jaħdmu daqs kelb...” kompliet in-nanna.
Kif lestiet ir-rakkont, Sophie sellmitilha u marret lura d-dar.
Paġna 8
null
Għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija Sophie, il-mamà u l-papà kienu mal-mejda jieklu meta Sophie kisret il-ħemda, “Pa, vera kien hawn l-ilsiera Malta?”
Il-papà għolla għajnejh, teftef ftit il-mustaċċi u qalilha, “E, mela, vera!” U kompla jiekol.
Sophie kompliet, “U veru kienu jħalluhom bil-ġuħ, jaħasra?”
Il-papà reġa’ waqaf jiekol, ħares lejn bintu u qalilha, “Jaqaw ommi reġgħet qagħdet tirrakkontalek xi storja oħra tal-fatati?”
“Le, pa, illum qaltli fuq l-istorja tal-Belt Valletta.”
“E, nispera li ma qagħditx timlielek moħħok b’ħafna ħmerijiet! Imma vera, dak iż-żmien il-kavallieri, u anki ħakkiema oħra qabilhom, kienu jaqbdu nies waqt il-battalji u jagħmluhom ilsiera. U meta ma kinux jobdu, bħala kastig, kienu jħalluhom bil-ġuħ.”
“Qed tara hux, Sophie!” qabżet il-mamà. “U inti jkollok l-ikel u ma tkunx tridu. U nispera li llejla torqod fil-kamra tiegħek u ma toqgħodx tqum billejl!”
Paġna 9
null
Dak il-lejl hekk kif Sophie telgħet fil-kamra tagħha, daħlet fis-sodda u tfiet id-dawl. Bdiet taħseb fuq il-kavallieri, fuq il-Belt Valletta, fuq is-swar li jdawru l-Belt u fuq l-ilsiera li kienu bnewhom b’ġebel kbir, u li kultant kienu jispiċċaw bla ikel.
‘Imsieken!’ bdiet taħseb Sophie. ‘Kieku kont hemm kont intihom xi biċċa ħuta u biċċa ħobż bil-butir, u forsi naqra frott u…’ Għajnejha bdew jingħalqu ħelu ħelu. Sakemm ingħalqu għalkollox u beda l-ħolm. Ħolm ta’ kavallieri fuq iż-żwiemel, ħobż mixwi tan-nanna, ilsiera jibnu, qniepen idoqqu…
L-għada filgħodu, omm Sophie marret fil-kamra tat-tifla. Baqgħet skantata kif rat li kienet għadha rieqda. “Qum, Sophie, qum, is-sebgħa. Sarlek il-ħin għall-iskola. Il-marelli! Naħseb dal-lejl kollu rqadtu, Sophie. Brava!”
Sophie bdiet tiftaħ għajnejha bil-mod u qaltilha, “Iva, ma, għax tgħidx kemm ħlomt ħolm differenti!”
“Ejja fl-aħħar!” qabżet ommha. “Mela l-istejjer tan-nanna qed jiswew għal xi ħaġa! Sophie, trid nhar is-Sibt immorru sal-Belt Valletta ħalli nurik xi binjiet importanti u mill-isbaħ li nsibu f'din il-ġawhra ta' belt?”
“Iva, mamà, grazzi! Diġà ninsab ħerqana biex immorru!”
Paġna 10
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations