(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Rumpelstiltskin
Darba waħda kien hemm taħħan fqir li kellu tfajla ħelwa u bil-għaqal.
Jum fost l-oħrajn it-taħħan mar fil-kastell u talab biex jiltaqa’ mas-sultan. Meta s-sultan sejjaħlu, it-taħħan għarrfu li t-tifla tiegħu kienet kapaċi tagħżel it-tiben f’deheb.
Paġna 1
Kif sema’ hekk, is-sultan ħareġ ordni biex it-tifla tat-taħħan tinġieb fil-kastell.
Malli waslet, is-sultan tella’ lit-tfajla ġo kamra mimlija tiben fit-turretta u ordnalha, “Trid tagħżel dat-tiben kollu f’deheb dal-lejl, inkella nitfgħek f’qiegħ ta’ ċella!”
Paġna 2
Is-sultan sakkar lil bint it-taħħan ġol-kamra u mar jorqod. Ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel u bdiet tibki u tolfoq. Fil-pront deher nanu qsajjar u b’vuċi mielsa staqsieha, “Għaliex qiegħda tibki?”
Wara li rrakkuntatlu l-istorja kollha, in-nanu qalilha, “Tinkwetax, binti… issa nagħżel dan it-tiben f’deheb jiena. Imma inti x’se ttini lura?”
“Intik din il-ġiżirana!” wegħditu. U sa filgħodu n-nanu għażel it-tiben kollu f’deheb.
Paġna 3
Malli sebaħ jum ġdid is-sultan mar ħdejn it-tfajla, u kif ra dak id-deheb kollu baqa’ b’ħalqu miftuħ u ħa pjaċir ħafna. Is-sultan ried aktar deheb.
Paġna 4
Ħa lit-tfajla ġo kamra akbar u qalilha, “Trid tagħżel dat-tiben kollu f’deheb dal-lejl, inkella nitfgħek f’qiegħ ta’ ċella!”
Paġna 5
Mill-ġdid reġa’ sakkarha fil-kamra u t-tfajla reġgħet bdiet tibki.
Għal darb’oħra n-nanu reġa’ ġie. “Jekk nagħżillek dat-tiben kollu f’deheb, x’se ttini din id-darba?” staqsieha. It-tfajla offrietlu ċ-ċurkett tal-fidda tagħha u n-nanu għamel il-lejl kollu jagħżel it-tiben f’deheb.
Paġna 6
Malli sebaħ is-sultan mar jara fiex kienet waslet it-tfajla. Feraħ ħafna meta ra dak id-deheb kollu fil-kamra, u iktar għamel għal żaqqu. Ħa lit-tfajla fl-ikbar kamra tal-kastell, li kienet mimlija tiben, u qalilha, “Jekk tagħżel dat-tiben kollu f’deheb sa sbieħ il-jum, issir il-mara tiegħi!”
Paġna 7
Is-sultan sakkar il-kamra u telaq ’l hemm, u t-tfajla bdiet tibki mill-ġdid. Din id-darba, meta n-nanu reġa’ ġie jaraha, it-tfajla qaltlu, “Ma baqagħlix xi ntik, Sinjur! X’se nagħmel?”
“Wegħedni li ttini l-ewwel wild tiegħek meta ssir reġina!” talabha n-nanu. It-tfajla aċċettat għax ma basritx li għad issir il-mara tas-sultan. In-nanu qabad jaħdem u sa filgħodu għażel it-tiben kollu f’deheb.
Paġna 8
M’għandniex xi ngħidu, kif is-sultan ra dak id-deheb kollu magħżul kien kuntent ħafna. Iżżewweġ lit-tfajla minnufih u ma damux ma kellhom tarbija.
Paġna 9
In-nanu reġa’ feġġ biex jieħu t-tarbija li kienet wegħditu, imma r-reġina kienet insietha dik il-wegħda. Bkiet u talbitu biex iħallilha t-tarbija. In-nanu qalilha, “Ara kif nagħmlu… ma noħodhiex jekk taqta’ x’jisimni! Ħa ntik tlett ijiem ċans!”
Ma’ dawn il-kelmiet in-nanu sparixxa.
Paġna 10
Ir-reġina ppruvat tiftakar l-ismijiet kollha li setgħet. L-għada filgħaxija, meta n-nanu reġa’ ġie, qaltlu l-ismijiet strambi kollha li setgħet taħseb.
“Forsi jismek Shortribs, jew Sheepshanks, jew Laceleg!” Imma n-nanu dejjem qalilha, “Le, mhux hekk jisimni!”
Paġna 11
L-għada r-reġina bagħtet għall-qaddejja kollha minn kull rokna tas-saltna u talbithom jgħidulha bl-ismijiet kollha li kienu jafu.
Paġna 12
Dik il-lejla n-nanu reġa’ ġie jara lir-reġina u għal darb’oħra r-reġina ma setgħetx taqta’ x’jismu.
Paġna 13
Fit-tielet jum wieħed mill-qaddejja tar-reġina daħal fil-bosk biex isib lin-nanu. Fil-qalba tal-bosk il-qaddej sabu jiżfen u jkanta ferħan quddiem ħuġġieġa.
Beda jkanta, “Illum naħmi, nagħmel l-għaġina, għada jkolli ’l bint ir-reġina! Ah, kemm jien tajjeb, u dan mhux żinn, li jien jisimni Rumpelstiltskin!”
Il-qaddej ħaffef lura lejn il-kastell u qal b’kollox lir-reġina.
Paġna 14
Dik il-lejla, meta n-nanu reġa’ tfaċċa, ir-reġina kienet diġà lesta għalih. Għall-aħħar darba n-nanu sfidaha, “Qtajtha qalbek? Noħodha issa lit-tarbija?”
Ir-reġina tbissmet u weġbitu, “Inti jismek Harry? Conrad? Jew forsi Rumpelstiltskin!”
Paġna 15
Kif sema’ ismu, in-nanu beda jgħajjat, “Kif jista’ jkun taf x’jisimni int?”
Kif qal hekk dlonk ħarab jiġri ’l bogħod fil-qalba tal-bosk, u ma deher qatt aktar.
Paġna 16
Minn dakinhar ’il quddiem is-sultan, ir-reġina u t-tarbija tagħhom għexu ferħanin flimkien għal dejjem.