(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Pinokkjo

null
Darba waħda kien hemm mastrudaxxa fqajjar jismu Ġeppetto, li kien jagħmel ġugarelli tal-injam. Ġurnata fost l-oħrajn għamel marjunett sabiħ. Eżatt kif lestieh, il-marjunett ħa l-ħajja u beda jiżfen u jkanta.
Ġeppetto ma setax jemmen lil għajnejh.
“Kif, int ħadt il-ħajja!” qallu Ġeppetto. “Qed naħseb… insemmik Pinokkjo. Int se tkun l-iben li qatt ma kelli.”
Paġna 1
null
Pinokkjo ried jibda jmur l-iskola bħat-tfal l-oħra. Ġeppetto ma kellux flus biex jixtri uniformi għal Pinokkjo. Għalhekk Ġeppetto biegħ il-ġakketta li kellu u bil-flus xtralu uniformi ġdida.
Paġna 2
null
L-għada Pinokkjo mar l-iskola. Waqt li kien sejjer lura d-dar, Pinokkjo waqaf jara spettaklu tal-pupazzi. Fil-pront qabad jiżfen u jkanta magħhom. L-imgħallem tal-pupazzi tah ħames muniti tad-deheb u qallu, “Ħa. Tihom lil missierek.”
Paġna 3
null
Pinokkjo kompla triqtu lejn id-dar imma fit-triq iltaqa’ ma’ qattus mistħi u volpi makakk. “Għax ma tiżrax il-muniti ħdejn is-siġra ħalli għada filgħodu jkollok aktar?” qalulu. Ma’ dan il-kliem Pinokkjo żera’ l-muniti fil-ħamrija.
Paġna 4
null
Kif lesta, il-qattus u l-lupu rabtuh mas-siġra u bdew jidħqu bih. Wara reġgħu ħaffru toqba fil-ħamrija u ħadulu l-muniti. Imbagħad ħarbu ’l hemm u ħallewh marbut.
Paġna 5
null
F’daqqa waħda deher werżieq liebes ġlekk blu, li ħeles lil Pinokkjo. Pinokkjo beda jħarref lill-werżieq dwar dak li għadda minnu. Fil-pront ġrat xi ħaġa stramba…
“Hawn x’inhu jiġri?” għajjat Pinokkjo.
Imnieħer Pinokkjo beda jitwal u jitwal. Iktar ma jivvinta, iktar beda jitwal.
“Ieqaf!” talab bil-ħniena Pinokkjo.
Paġna 6
null
“Mhux se jieqaf. Kull meta tigdeb, imnieħrek jitwal,” qallu l-werżieq.
“Waqqfu, jekk jogħġbok,” talbu bil-ħniena Pinokkjo. “Inwiegħdek li mhux se nerġa’ nigdeb!”
Imnieħer Pinokkjo waqaf jikber. Il-werżieq sejjaħ għasfur biex inaqqarlu mnieħru għax Pinokkjo vera kien iddispjaċieh. L-għasfur qagħad fuq imnieħer Pinokkjo u beda jnaqqarlu minnu sakemm reġa’ ġie kif kien qabel.
Paġna 7
null
L-għada filgħodu, fi triqtu lejn l-iskola, Pinokkjo ltaqa’ ma’ tfajjel imqarqaċ. “Ejja miegħi sa Art il-Ferħ. Hemmhekk dejjem festa!” qallu t-tfajjel. “Hemm logħob, ġugarelli u ħelu kemm irridu. Imma l-isbaħ ħaġa li m’għandniex għalfejn immorru skola!”
Paġna 8
null
Pinokkjo ma riedx wisq biex jipperswadi ruħu, u minnufih mar mat-tfajjel sa Art il-Ferħ. Niżlu x-xatt flimkien u telgħu fuq vapur li kien se jsalpa dak il-ħin. Tgħidx kemm ħadu gost jilagħbu u jieklu l-ħelu!
Paġna 9
null
F’daqqa waħda widnejn Pinokkjo u t-tfal l-oħra bdew jikbru. Bdew isiru widnejn ta’ ħmar. Anzi bil-mod il-mod huma bdew isiru ħmir! Is-saħħar kien għamel seħer fuqhom.
Paġna 10
null
Is-saħħar ġegħelhom jaħdmu fiċ-ċirklu, fejn kellhom joqogħdu jdaħħku n-nies. Pinokkjo weġġa’ siequ f’waħda mill-qabżiet li kellu jagħmel. Is-saħħar tgħidx kemm irrabja u tefgħu ġol-baħar.
Paġna 11
null
Hekk kif mess mal-ilma baħar Pinokkjo reġa’ sar marjunett. Dak il-ħin kienet għaddejja balena, li fetħet ħalqha u belgħetu f’nifs wieħed.
Paġna 12
null
Fl-istonku tal-balena Pinokkjo sab lil Ġeppetto fid-dgħajsa tiegħu. “Kont qiegħed infittxek meta belgħetni l-balena. Kemm qiegħed nieħu gost li rġajt sibtek!” qallu Ġeppetto.
“Jien ħsibt li qatt ma kont se narak aktar. Qatt ma bsart li kellna nerġgħu niltaqgħu fl-istonku ta’ balena!”
Paġna 13
null
Pinokkjo u Ġeppetto tgħannqu waħda kbira. “Mil-lum ’il quddiem se nkun tifel bil-għaqal!” wiegħdu Pinokkjo.
Xħin il-balena kienet rieqda, ħarġu nkiss inkiss minn ħalqha u baħħru lura d-dar.
Paġna 14
null
Meta waslu, Ġeppetto qabdu d-deni. Pinokkjo temgħu ftit soppa sħuna u dar bih sakemm għaddielu.
“Se mmur l-iskola u naħdem ħafna ħalli naqla’ l-flus,” qallu Pinokkjo. “Mhux se jkollok bżonn taħdem aktar.”
Paġna 15
null
Minn dakinhar Pinokkjo beda jistudja u jitgħallem ħafna. Imbagħad, ġurnata fost l-oħrajn, il-werżieq reġa’ deherlu u qallu, “Pinokkjo, int tassew tfajjel bravu u qalbek tajba! Jixraqlek li ssir tifel ta’ veru.”
Ma’ dan il-kliem il-werżieq bidel lil Pinokkjo fi tfajjel gustuż. Minn dakinhar Ġeppetto u Pinokkjo għexu ferħanin flimkien għal dejjem.
Paġna 16
Tmiem