Il-ġirien jgħajtuli Andy tal-istatwi tal-ġebel. Ir-raġel tiegħi, Perseus, delettant tal-istatwi u mlieli d-dar kollha.
Mhux minn dejjem kienu jsejħuli Andy, tafux. Aqta’ x’fettlilhom isemmuni ommi u missieri? Andromeda! Jaqq! Imma kif qatt ma daħlilhom f’rashom li meta dħalt l-iskola u kienu jgħajtuli ismi fir-rassenja kulħadd kien se jinfaqa’ jidħaq? Forsi ġieli rajtu xi pittura tiegħi bi ftit li xejn ilbies fuqi, marbuta b’katina mal-blat bil-baħar iħabbat. Tagħtux kasha dik. Jien kelli ftit tad-drapp fuqi.
Imma aħjar nintroduċi lili nnifsi u nibdielkom mill-bidu, għax inkella ma tifhmu xejn. Mela, twelidt l-Etjopja, bint Ċefews u Kassjopea, li kienu r-re u r-reġina tal-post. Għall-ewwel missieri stkerrahni ftit.
“Għal din, dan l-għaġeb kollu?” qal lil ommi malli rani għadni nitwieled. U xi stenna? Li jara xi prinċipessa bil-kuruna fuq rasha kollha riħa ta’ terra?
Ommi ħadet għaliha bil-kbir. Għandu jkun l-irġejjen minn dejjem kienu jieħdu għalihom.
“Int stenna ftit,” qaltlu, “ħa taraha tikber u tisbieħ! Għad tkun l-għira tal-allat dit-tifla.”
U tant ħaslitni fil-ħalib tal-ħmir u kienet tidlikli xagħri bl-ifjen xema’ tan-naħal li xi ftit tal-ġmiel ħallew fuqi. Meta tfarfart ftit kont nisma’ lil ommi tiftaħar bija kuljum. Saħansitra bdiet tgħid li kont isbaħ min-Nerejdi, ulied Nerews u Doris. Dawn in-Nerejdi kienu n-ninfi tal-baħar. Qatt ma kont iltqajt magħhom imma kont nismagħhom jistagħġbu bi ġmielhom. M’għandniex xi ngħidu, jien intefaħt xi ftit imma mbagħad ommi bdiet tgħaġġibha u bdiet tgħid li kont isbaħ mill-mara ta’ Posejdon, l-alla tal-baħar.