
Milù tħobb titgeddes wisq mal-mamà tagħha. Filgħaxija, qabel torqod, il-mamà dejjem tidħol ħdejha fis-sodda u taqralha storja sabiħa. Ġieli, lejn l-aħħar tal-istorja Milù tibda tittewweb u mhux darba jew tnejn li titlef l-aħħar biċċa tal-istorja, għax tispiċċa torqod. Biex ngħidu kollox, ġieli tkun il-mamà li tħalliha bil-kurżità għax tibda tongħos u xi drabi torqod u anke tibda tonħor. Meta jiġri hekk Milù ftit tinkedd. Bil-galbu kollu u bi ftit sforz tgħatti lill-mamà bil-gverta roża fjurita, tidħol bejn driegħha u torqod l-isbaħ raqda…





