(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Marun, l-Imqareb Dragun
Marun kien dragun li twieled ġo bejta fuq muntanja kbira, f’art ’il bogħod ħafna ħafna. Kien għadu kemm tgħallem itir u għalhekk kien jieħu kull ċans li jsib biex jaħrab u jmur jiskopri d-dinja ta’ madwaru.
Paġna 1
“Idħol ġewwa issa!” ordnatlu ommu. “Issa qed ngħidlek!”
Iżda Marun fetaħ ġwenħajh, qabeż minn fuq l-irdum u beda jtir b’kemm kellu saħħa. “Mela ma noqgħodx ġol-bejta llum! Jien nilgħab ma’ sħabi rrid!” beda jgerger. U minn dak il-ħin beda jara kif ser iqatta’ l-ġurnata.
Paġna 2
Kien jaf li ommu ma setgħetx tiġi warajh għaliex kienet trid tieħu ħsieb lil ħuh iżgħar minnu, u missieru kien jitlaq minn filgħodu kmieni sabiex imur iġibilhom l-ikel. Marun kien dragun ferrieħi u kellu kuluru ħamrani, vjola u aħdar.
Paġna 3
Issa kien wasal iż-żmien fejn jibda jitgħallem kif jitfa’ n-nar minn ħalqu. Waqt li kien qiegħed itir fuq is-sħab, ħares ’l isfel u taħtu ra ħafna nagħaġ fl-għelieqi kwieti jieklu l-ħaxix aħdar frisk. Ftit ’il bogħod minnhom ra r-ragħaj rieqed u żewġt iklieb jieħdu ħsieb il-merħla.
Paġna 4
“Naf x’nagħmel!” qal. “Ħa mmur nagħtihom qatgħa.” U hekk għamel. Niżel bħal vleġġa fid-direzzjoni tan-nagħaġ. Għadda minn ġos-sħab, li kien qisu ċpar imxarrab u f’kemm trodd salib wasal qrib il-merħla. Il-klieb mill-ewwel indunaw bih u bdew jinbħu, u n-nagħaġ inħasdu u bdew jiġru u jitferrxu.
Paġna 5
Marun tgħidx kemm ħa gost jara dik il-fratterija kollha. Tgħidx kemm ġera wara nagħġa, sakemm qatgħalha nifisha! Kemm kien imqareb dan Marun! Kif ra li n-nagħġa waqgħet mal-art, dar biex jaqbad jiġri wara nagħġa oħra. Iżda kif dar qala’ daqqa ta’ ġebla li kien waddablu r-ragħaj, li dak il-ħin kien qam mir-raqda u ġie biex isalva lin-nagħaġ mill-attakk tad-dragun.
Paġna 6
Marun weġġa’ u beda jirrabja minħabba li r-ragħaj garalu ġebla u laqtu. “Dan għaliex qed igarali l-ġebel?” beda jgemgem. “Ħa nurih min jien! Ħa nonfoħlu u ntajru b’ħafna riħ!” U dak il-ħin stess ħa nifs qawwi, nefaħ, u minn ħalqu ħareġ ħafna riħ. Iżda miegħu ħareġ ukoll ħafna nar.
Paġna 7
Ħass daqqa kbira li tefgħetu mal-art. Marun inħasad. X’kienet dik id-daqqa? X’kien ġara? Kif ħareġ dak in-nar? Qatt ma kien irnexxielu jixħet in-nar qabel. Qam bilwieqfa, dar biex iħares lejn ir-ragħaj u hemm jara lil missieru, dragun kbir li kien qed jgħatti lir-ragħaj.
Paġna 8
“Kemm-il darba avżajniek biex ma tagħmilx dawn il-ħmerijiet?” beda jgħidlu b’leħen għoli missieru. “Ejja ’l hawn. Ejja itlob skuża lil dan ir-raġel.” U Marun niżżel rasu ’l isfel bil-mistħija u resaq lejn missieru u lejn ir-ragħaj. “Skużani. Aħfirli. Ma nerġax,” qallu Marun minn taħt l-ilsien.
“Aħna draguni tajbin u ngħinu lill-bnedmin,” qallu missieru. “Issa ejja ħa mmorru lura fil-bejta, għaliex ommok qed tinkwieta għalik.” Sellmu lir-ragħaj u taru flimkien lura lejn il-bejta.