oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

L-Isbaħ Kejk

null
Kien fadal ftit aktar minn xahar għall-Milied, u l-Kunsill Lokali kien ilu li beda bil-preparamenti biex jorganizza fiera kbira fil-pjazza tar-raħal. Kienet se tkun ġurnata mimlija daqs bajda. Kienu stiednu diversi kantanti u żeffiena, kif ukoll xi korijiet tat-tfal biex waqt li tkun għaddejja l-fiera jallegraw lill-pubbliku preżenti bil-mużika ferriħija taż-żminijiet tal-Milied. Fil-fiera kienu se jieħdu sehem ukoll diversi artisti lokali billi jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom kemm għall-wiri kif ukoll għax-xiri.
Is-Sindku ħareġ bl-idea li fost dan kollu kellha ssir kompetizzjoni biex b’hekk jiġbdu aktar nies lejn ir-raħal. L-idea ntgħoġbot, u wara diversi suġġerimenti ġie deċiż li l-kompetizzjoni tkun għall-isbaħ kejk. Għalhekk, il-Kunsill Lokali ħabbar din il-kompetizzjoni mal-erbat irjieħ ta’ Malta; permezz tal-gazzetti, tar-radju, tat-televixin u wkoll b’kartelluni fit-toroq ewlenin. Ma kien hemm l-ebda limitu ta’ kemm il-kejk seta’ jkun kbir, basta dan jitwassal sħiħ quddiem il-ġurija, dakinhar tal-fiera.
Paġna 1
null
Kienu ħafna dawk li tħajru jidħlu għal dil-kompetizzjoni, speċjalment meta kien se jingħata rigal ta’ flus lir-rebbieħ jew rebbieħa. Xi wħud tħajru wkoll jingħaqdu fi gruppi żgħar biex jaħdmu u jiddekoraw flimkien il-kejk tal-Milied. Ma naqasx ukoll li xi wħud talbu l-għajnuna ta’ xi dulċiera biex ikunu jistgħu jaħmu l-kejkijiet fil-fran kbar tagħhom.
Il-ġurnata tant mistennija waslet. Sa minn kmieni filgħodu, f’nofs il-pjazza tar-raħal intramaw diversi mwejjed kbar biex il-kejkijiet jitpoġġew fuqhom. Il-mejda tal-ġurija tpoġġiet fin-nofs quddiem il-knisja. Għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, bdew jaslu l-kompetituri bil-kejkijiet tagħhom, li bdew ipoġġuhom fuq l-imwejjed armati. Kull kejk ingħata numru. Kien hemm bosta kejkijiet, kollha ta’ għamla u daqs differenti li ridt seba’ għajnejn biex tarahom. Kollha kienu mlewnin u mżejnin b’dekorazzjonijiet tal-Milied mill-isbaħ. Saħansitra kien hemm min tħajjar jesperimenta aktar, u għamel il-kejk tiegħu jixgħel b’bozoz irqaq iteptpu, filwaqt li kejk ieħor kien idoqq mużika tal-Milied.
Paġna 2
null
Mal-wasla tal-ġurija, il-kompetituri bdew wieħed wieħed iressqu l-kejk tagħhom quddiemhom, jgħidu xi ħaġa qasira dwar il-proċess tal-kejk tagħhom u jistennew il-ġurija tgħaddi l-kummenti tagħha. Dawk preżenti kienu lkoll mistagħġba bil-kobor ta’ wħud mill-kejkijiet. Kien hemm min saħansitra beda jiġih id-dubju jekk uħud mill-kejkijiet kinux tassew kejkijiet ta’ vera jew ta’ xi materjal ieħor bħal ġablow, daqskemm kienu sbieħ u perfetti. Imma l-ġurija bdiet iġġiegħel lill-kompetituri jaqtgħu biċċa mill-kejk biex ikunu ċerti li kien ta’ veru.
Pamela wkoll kienet tħajret tieħu sehem f’din il-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju tal-maġġoranza tal-kompetituri, it-tfajla la ngħaqdet ma’ xi ħadd u lanqas marret taħmi l-kejk tagħha f’xi forn kbir ta’ dolċerija. Pamela ħmiet il-kejk tagħha f’darha stess u ddekoratu mill-aħjar li setgħet waħedha. Dakinhar tal-kompetizzjoni hi wkoll ħadet il-kejk tagħha l-pjazza tar-raħal. Ġarritu f’qoffa u poġġietu fuq il-mejda ħdejn tal-oħrajn. Kull min kien jintebaħ bil-kejk tagħha, ma setax ma jitbissimx u jgħaddi xi kumment minn taħt. Għax minkejja li kien jidher kejk tajjeb u sabiħ, żgur li ma kienx sabiħ daqs l-oħrajn, apparti li kien daqs naqra!
Paġna 3
null
Xi tfal bdew jidħku u jgħidulha, “Mela ħsibt li l-kompetizzjoni hi tal-iżgħar kejk?”
Pamela ma tat kas tal-ebda kumment u b’determinazzjoni fuq wiċċha baqgħet tistenna li jmiss lilha biex titla’ bil-kejk tagħha quddiem il-mejda tal-ġurija. Wara ftit tal-ħin mhux ħażin, ġie mgħajjat in-numru ta’ Pamela, u t-tfajla resqet ’il quddiem. Kif basret, il-ġurija wkoll bdew jitbissmu xħin raw il-kejk tagħha u bilkemm ma bdewx jgħadduha biż-żmien ukoll. Imma hi baqgħet soda u xħin ġiet mistoqsija tgħid xi ħaġa dwar il-kejk tagħha, ħarġet karta mill-but tal-ġakketta u bdiet taqra:
Bdejt il-kejk tiegħi billi xtrajt id-dqiq. Biex id-dqiq seta’ jasal għandi kien jeħtieġlu jgħaddi minn proċess twil. Il-bidwi żera’ ż-żerriegħa tal-qamħ u meta dan kiber, bidwi ieħor ħasdu. Wara, il-qamħ inġarr minn bidwi ieħor għand tal-mitħna u t-taħħan taħnu fi dqiq. Minn hemm ittieħed fil-fabbrika u ġie ppakkjat fil-pakketti. Dawn il-pakketti nġarru fil-ħwienet minn fejn stajt nixtri d-dqiq. Mad-dqiq tfajt il-butir. Biex sar il-butir…
Paġna 4
null
Pamela kompliet taqra u tispjega kemm kull ingredjent li kellha fil-kejk tagħha għadda minn proċess wara l-ieħor sa ma wasal fuq l-ixkafef tal-ħwienet. Fost oħrajn semmiet lil min nixxef iż-żbib, il-proċess tal-konfettura u l-intrita, u l-ġelu. Barra dawn ma naqsitx issemmi l-għodda li użat fil-kċina, bħall-imgħarfa tal-għuda, il-bieqja u saħansitra l-forn u l-elettriku li użat. Dawn ukoll, skont it-tfajla, kienu għaddew minn proċess twil qabel saru għodda u waslu għandha.
Ħadd mill-ġurija ma kellu l-kuraġġ iwaqqaf lit-tfajla, li b’determinazzjoni u b’leħen sod kompliet taqra, taqra u taqra dwar l-ingredjenti kollha li dak id-daqsxejn ta’ kejk kien magħmul bihom. U xħin fl-aħħar waqfet taqra, in-nies miġburin fil-pjazza tar-raħal ma waqfux iċapċpu. Il-ġurija li dehru xi ftit jew wisq mifxulin, irringrazzjaw lil Pamela u komplew jiġġudikaw l-aħħar ftit kejkijiet.
Paġna 5
null
Kulħadd kien fuq ix-xwiek jistenna l-verdett tal-ġurija u xħin wieħed minnhom qam bilwieqfa biex iħabbar ir-rebbieħ jew rebbieħa, fil-pjazza waqa’ skiet taqtgħu b’sikkina.
“F’isem il-ġurija kollha nirringrazzjaw u ngħidu proset lil dawk kollha li ħadu sehem f’dil-kompetizzjoni tal-isbaħ kejk,” beda jgħid ir-raġel. “Kien hawn bosta kejkijiet sbieħ u magħmulin b’sengħa kbira. Kien diffiċli ferm biex tagħżel bejniethom, biss wieħed partikolari kien jiżboq lill-oħrajn kollha; kemm fid-dehra kif ukoll fl-għamla tiegħu,” kompla jispjega r-raġel. “Il-kejk rebbieħ huwa dak bin-numru 17.”
Hekk kif koppja żagħżugħa resqet biex tirċievi r-rigal fost iċ-ċapċip min-nies preżenti, ir-raġel mill-ġurija żied jgħid: “Minkejja li l-kompetizzjoni kienet għall-isbaħ kejk, qbilna li l-premju speċjali mogħti mis-Sindku jingħata lill-kejk bin-numru 29, għall-inizjattiva, dedikazzjoni u kreattività oriġinali.”
Pamela ferħet mhux ftit. Kien irnexxielha tirbaħ. Resqet ’il quddiem u fost iċ-ċapċip qawwi, irċeviet iċ-ċekk mingħand is-Sindku. It-tfajla kienet taf sew x’se tagħmel b’dawk il-flus. Kienet se taqta’ l-akbar xewqa li kellha – dik li tixtri siġġu tar-roti għal missierha biex tkun tista’ tibda toħorġu passiġġata mar-raħal.
Paġna 6
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations