(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

L-Għefieret u l-Iskarpan

Darba waħda kien hemm skarpan li kien jgħix mal-mara tiegħu. Kien jaħdem bil-għaqal u jistinka kemm jiflaħ, iżda xorta ma kienx qed jaqla’ flus biżżejjed biex jgħixu ħajja komda. L-iskarpan u l-mara tiegħu tant kienu saru fqar li ma setgħux jixtru aktar ġilda biex jagħmlu ż-żraben biha. Kien għad fadlilhom l-aħħar biċċa. Din kienet biżżejjed biex jagħmel l-aħħar par żarbun.
null
Paġna 1
L-iskarpan qata’ l-ġilda bil-galbu bħas-soltu, u bil-mod beda jħit l-aħħar par żarbun. Il-mara tiegħu staqsietu, “X’se jsir minna? L-injam kważi spiċċa kollu u l-kxaxen tal-kċina kważi kollha vojta. Anke l-aħħar żewġ xemgħat kważi nħlew kollha.”
“Toqgħodx tinkwieta,” wieġeb l-iskarpan, “għada nispiċċa naħdem dan il-par żarbun, u xi ħadd jixtrih.” Imbagħad l-iskarpan ħalla l-biċċtejn ġilda fuq il-mejda fejn kien jaħdem, għalaq il-bieb, u flimkien ma’ martu marru jorqdu għax kien sar il-ħin.
null
Paġna 2
L-għada filgħodu l-iskarpan qam kmieni biex ifittex ilesti ż-żarbun. Malli fetaħ il-bieb, sab par żarbun mill-isbaħ, meħjut b’sengħa kbira sal-inqas dettall. Fil-pront, mar jiġri jgħajjat lil martu, ferħan se jtir.
null
Paġna 3
“Min seta’ għamel dan il-ġmiel ta’ żarbun?” qal l-iskarpan. Imbagħad poġġa ż-żarbun fuq ħoġor it-tieqa tal-ħanut iż-żgħir tiegħu. Ftit wara, għadda raġel sinjur u ħares lejn iż-żarbun. Tant għoġbu illi ħallas somma sabiħa ta’ flus sabiex jixtrih.
null
Paġna 4
Bil-flus li qala’, l-iskarpan mar jixtri l-ikel u aktar ġilda biex jagħmel iż-żraben. Intefa’ jaħdem bla heda sa filgħaxija u ħalla l-biċċiet tad-drapp maqtugħin u stivati fuq il-mejda kif għamel il-jum ta’ qabel.
null
Paġna 5
“X’waħda din!” reġa’ stagħġeb l-għada filgħodu. Fuq il-mejda reġa’ sab ħames pari żraben il-ġmiel tagħhom. L-iskarpan u l-mara tiegħu kienu ferħanin se jtiru. Reġa’ poġġiehom fil-vetrina tal-ħanut u f’radda ta’ salib biegħhom kollha.
null
Paġna 6
L-iskarpan xtara aktar ġlud u materjal ieħor u kull filgħaxija kien iħallihom fil-post fejn kien jaħdem. Filgħodu baqa’ jsib ħafna żraben ta’ kull għamla u sura: sandlijiet, krakar, żraben puliti, żraben għat-tfal, papoċċi tas-sodda, u l-bqija. Fi ftit ġimgħat, l-ixkafef tal-ħanut imtlew kollha u n-nies kienu jiġu bi ħġarhom biex jixtru. Iż-żraben ukoll bdew ikunu dejjem isbaħ u ifjen, imżejnin bi ċfuf, lazzijiet tal-fidda u bokkli tad-deheb.
null
Paġna 7
Jum fost l-oħrajn, l-iskarpan u martu kienu qegħdin quddiem il-fuklar, jistrieħu wara ġurnata xogħol.
“Nixtieq li nsiru nafu min qiegħed jagħmlilna dawn iż-żraben,” qal l-iskarpan.
“Illejla nistaħbew fil-kamra fejn taħdem,” qalet martu. U hekk għamlu.
null
Paġna 8
Kif daqqu nofsillejl, l-iskarpan u martu kienu qed jistaħbew fil-kamra. Fil-pront semgħu xi ilħna qed ikantaw melodija ħelwa. Malli ttawlu minn wara l-gradenza raw żewġ għefieret żgħar, ħafjin u bi ħwejjeġ imraqqgħa, deħlin minn ġot-tieqa.
null
Paġna 9
Wieħed minnhom kien qed iġorr barżakka żgħira bl-għodda. Wara li komplew jiżfnu u jkantaw, l-għefieret qagħdu mal-mejda u bdew jaħdmu ż-żraben. L-iskarpan u martu baqgħu mistagħġbin bil-ħila u l-ħeffa li bdew jaħdmu biha l-għefieret.
null
Paġna 10
Wara li lestew tużżana żraben, l-għefieret ħarġu mit-tieqa u sparixxew fid-dlam.
“Mela dawk l-għefieret kienu qed jgħinuna!” stagħġeb l-iskarpan. “Trid nagħtuhom ftit rigali biex nirringrazzjawhom tal-ġid kollu li għamlu magħna,” kompla r-raġel.
null
Paġna 11
“Jien se nħitilhom xi ħwejjeġ u inti għamlilhom par żarbun kull wieħed.”
Baqgħu jaħdmu l-ġurnata kollha biex ilestulhom ir-rigali. Filgħaxija poġġew ir-rigali fuq il-mejda; żewġ ġkieket żgħar, żewġ qliezet, u żewġ pari żraben ċkejknin. Ħallewlhom ukoll ftit pastini u xi ħaġa x’jixorbu.
null
Paġna 12
Billejl l-għefieret reġgħu daħlu nkiss inkiss mit-tieqa, ikantaw ferħanin bħas-soltu. Malli telgħu fuq il-mejda u raw dawk ir-rigali kollha, l-għefieret bdew jgħajtu u jwerżqu bil-ferħ. Wara li kielu u xorbu, l-għefieret libsu l-ħwejjeġ u ż-żraben li sabu. Imbagħad komplew jaqbżu u jiżfnu ferħanin billi dakinhar ma sabux xogħol jistenniehom.
null
Paġna 13
Wara ftit ħin, l-għefieret qabżu minn fuq il-mejda, ħarġu mit-tieqa, u ntilfu fid-dlam tal-lejl. L-iskarpan u martu kienu kuntenti li l-għefieret għoġbuhom ir-rigali.
null
Paġna 14
L-għada l-iskarpan reġa’ prepara l-materjal għall-għefieret biex bħas-soltu jħallih fuq il-mejda fejn kien jaħdem. Iżda kien kollu għalxejn għax l-għefieret ma dehrux aktar.
null
Paġna 15
“Naħseb li semgħu leħinna,” qalet mart l-iskarpan. “L-għefieret jistħu ħafna min-nies u jista’ jkun li beżgħu minna. Se nħossu n-nuqqas tagħhom. Kienu ta’ għajnuna kbira għalina. Il-ħanut sar popolari u qed jiġu ħafna nies jixtru ż-żraben.”
L-iskarpan u martu baqgħu jgħixu kuntenti iżda baqgħu jiftakru fiż-żewġ għefieret li għenuhom meta kienu għaddejjin minn żmien diffiċli.
null
Paġna 16
Tmiem