(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

L-Erba' Mqarqċin 4: Fufu u l-Ġriewi

Kienet ġurnata sabiħa u Fufu fettillu jmur idur dawra mar-razzett ħalli jara hux kollox sew. Ittawwal ġol-maqjel il-kbir, mar ħdejn it-tiġieġ, għadda ħdejn il-fniek u kien se jdur lura, meta sema’ krib ġej minn kamra żgħira mimlija imbarazz. Resaq bil-mod jissemma’ wara l-bieb imbexxaq u sewwa kien sema’! Xi ħadd kien qed jokrob. Fetaħ il-bieb bil-mod u għall-ewwel ma ra xejn, imma mbagħad intebaħ b’xi ħaġa tiċċaqlaq fir-rokna.
null
Paġna 1
Għall-ewwel ħaseb li kien hemm xi bejta ġrieden, imma mnieħru beda jxomm riħa ta' klieb. Beda jinbaħ biex jara x'se jiġri u wara ftit sema’ nbiħ ġej minn dik ir-rokna. Imbotta l-bieb beraħ ħalli jkun jista' jara sew u daħal. Fir-rokna ra ġmiel ta' kelba bajda żgħira, tħares lejh imbeżżgħa, b'par għajnejn kbar u suwed. Xħin flieha sew, ra xi ħaġa tiċċaqlaq maġenbha.
“Dawk ġriewi?” staqsa skantat.
“Iva,” qaltlu l-kelba mbeżżgħa.
“Dawn għadhom kemm twieldu. Għinni, jekk jogħġbok, għax ma nafx x'se nagħmel.”
null
Paġna 2
U l-kelba, miskina, bdiet tingħi. Fufu mar qagħad bilqiegħda ħdejha u qalilha biex tgħidlu kif sabet ruħha hemmhekk. Qaltlu li sidha kien tefagħha barra t-triq u billi kien se jkollha ż-żgħar sabet dik il-kamra biex tkun tista’ żżommhom għall-kenn u s-sħana ħalli ma jmutux. Imma ma kellhiex x’tiekol u kienet qiegħda tibża’ li se tmut hi u jmutu huma wkoll! Fufu qalilha biex ma tinkwetax għax se jieħu ħsiebhom hu.
null
Paġna 3
Telaq jiġri u mar fil-kċina ħalli jara x’jista’ jeħdilha. Ra biċċtejn ħobż fuq il-mejda, ħataf biċċa u telaq jiġri biha lejn il-kamra. Poġġieha quddiem il-Bajda, għax hekk beda jsejħilha, u dik miskina ħatfitha għax kien ilha xi jumejn ma tiekol! Beda kuljum jara xi jsib u jieħu ftit mill-ikel tiegħu u jeħodhulha. Meta kien ikun jista’, kien iqatta’ ħin mhux ħażin jara liċ-ċkejknin jilagħbu, u kien qed jarahom jikbru kuljum. Il-Bajda kellha tlett iġriewi tassew ħelwin. Wieħed abjad bħal ommu, ieħor kannella u ieħor abjad imħallat bil-kannella. Peress li Fufu kien kannella wkoll beda jistħajjilhom iż-żgħar tiegħu, u tgħidx kemm sar iħobbhom u kien imkabbar bihom!
null
Paġna 4
Jum minnhom Muxu kien qiegħed ħdejn Dindu u staqsieh kienx ilu ma jara lil Fufu. Dindu qallu li kien ilu ma jarah u bdew jinkwetaw li kien ġralu xi ħaġa. Dindu beda jidden kemm jiflaħ forsi Fufu jew Pejxu jisimgħuh. Pejxu u Fufu ħarġu jiġru jaraw xi ġralu, dak l-għajjat u storbju kollu! Meta Dindu ra lil Fufu staqsieh x’kien sar minnu u qallu li kienu ilhom ma jarawh! Kienu inkwetati li ġralu xi ħaġa imma Fufu qalilhom li kien jinsab tajjeb.
“Allura fejn qiegħed tisparixxi kuljum?” qalulu Dindu u Muxu.
null
Paġna 5
Fufu ddeċieda li jgħidilhom bil-ħabiba l-ġdida tiegħu u l-ġriewi tagħha. Tgħidx kemm skantaw u kollha riedu jmorrru jarawhom! Fufu, imżattat, mexa quddiemhom ħalli jmur javża lill-Bajda li kienu ġejjin. Xħin daħlu u raw dik il-ġmiel ta’ kelba u dawk il-ġriewi ħelwin jaqbżu ħdejn ommhom, tgħidx kemm bdew jifirħu lil Fufu! Imma Fufu kien qiegħed jinkwieta x’se jsir mill-Bajda u mill-ġriewi la jikbru ftit ieħor. Meta ħarġu minn ħdejhom Fufu fetaħ qalbu ma’ ħbiebu u qalilhom jgħinuh isolvi din il-problema. Kulħadd beda jgħid tiegħu!
null
Paġna 6
Fl-aħħar Pejxu ħareġ b’idea li għoġbithom. Mananni kellha ħabiba li kienet iżżurha ta’ spiss. Din kienet tħobbhom ħafna l-klieb. Ftiehmu li meta terġa’ tiġi, Fufu jibda jinbaħ minn ġol-kamra, taparsi sab lill-Bajda u l-ġriewi dak il-ħin, ħalli Mananni ddaħħal lill-ħabiba tagħha u turiha l-ġriewi, forsi titħajjar teħodhom hi. Hekk għamlu, meta ġiet il-ħabiba ta’ Mananni Fufu tant beda jinbaħ li hi u l-ħabiba marru jiġru ħalli jaraw għaliex dak l-inbiħ kollu!
null
Paġna 7
Kif il-ħabiba daħlet fil-kamra u rat lill-Bajda b’dawk l-għajnejn jitolbuha l-ħniena ġġennet fuqha u fuq dawk il-ġmiel ta’ ġriewi! Talbet lil Mananni biex tagħtihomlha ħalli tieħu ħsiebhom hi. Miskina, il-Bajda fl-aħħar sabet min jerġa’ jħobbha u jieħu ħsiebha u l-ġriewi tagħha wkoll. Tgħidx kemm irringrazzjathom lill-erbat iħbieb, imma l-aktar lil Fufu! Qaltlu li forsi jkunu jistgħu jibqgħu jaraw lil xulxin meta sidtha l-ġdida tmur għand il-ħabiba tagħha Mananni.
null
Paġna 8
Tmiem