(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

L-Erba' Mqarqċin 3: Dindu u r-Raġġ tad-Dawl

Filgħodu kmieni kmieni, Dindu s-serduk telaq jiġri għal fuq is-saqaf tal-maqjel, fejn kont issibu maż-żerniq, u beda jidden. Kien ferħan għax kien hemm ġmiel ta’ sema b’kuluri tal-għaġeb! Imma jekk ma tqumx kmieni bħalu ma kont tara xejn għax malli titfaċċa x-xemx kollox jisparixxi! Dam jidden mhux ħażin. Bil-mod il-mod ix-xemx bdiet tielgħa u l-kuluri għosfru! Ix-xemx bdiet tibjad sakemm ma stajtx tħares lejha iżjed għax tagħmik! Dindu dar wiċċu lejn il-ħawt tal-ilma li kien hemm faċċata tiegħu u f’daqqa waħda ra dawl qawwi li għamieh!
null
Paġna 1
Għalaq għajnejh u xħin reġa’ fetaħhom xorta ma seta’ jara xejn. Beda jixxengel u għal daqsxejn ma ħadhiex għal isfel! Qagħad b’għajnejh magħluqa għal ftit forsi jgħaddilu. Sadanittant ix-xemx kompliet tielgħa. Xħin reġa’ fetaħ għajnejh ma setax jara sew imma bil-mod il-mod beda jara l-affarijiet ta’ madwaru. Kif ħassu mhux ħażin, niżel jiġri ’l isfel. Xi siegħa wara ra lil Muxu u mar ħdejh jgħidlu xi ġralu. Muxu inkwieta u qallu biex joqgħod attent li ma jmurx jaqa’ minn fuq is-saqaf għal isfel! Qallu biex javżah meta jkun se jerġa’ jitla’ ħalli hu jkun hemm, f’każ li jinqalagħlu xi ħaġa.
null
Paġna 2
L-għada sebaħ jum imsaħħab u Dindu mar għal Muxu qabel tela’ jidden. Muxu qagħad għassa isfel, imma kollox mar sew. Għaddew xi jumejn oħra, l-ajru baqa’ msaħħab u Dindu tela’ jidden u ma ġralu xejn. Wara erbat ijiem imsaħħab, fl-aħħar, l-ajru beda jiċċara u Dindu tela’ kmieni fuq is-saqaf biex jara l-ġmiel ta’ xemx tielgħa b’dawk is-sbuħija ta’ lwien. Muxu qam ukoll u mar fejn ikun jista’ jagħtih daqqa t’għajn, għax kien għadu inkwetat fuqu. Dindu beda jidden ferħan b’din il-ġurnata sabiħa. Ix-xemx tfaċċat fuq ix-xefaq u bdiet iżżid fil-qawwa tad-dawl bajdani tagħha meta f’daqqa waħda raġġ tad-dawl min-naħa opposta pponta qisu xabla lejn għajnejh!
null
Paġna 3
Dindu, b’dak id-dawl qawwi f’għajnejh, ma bediex jara u tilef il-bilanċ u kien se jeħodha għal isfel! Muxu li kien qiegħed iħares lejn Dindu, f’daqqa waħda rah jixxengel fix-xifer tas-saqaf u telaq jiġri jgħajjat kemm jiflaħ.
“Dindu, ersaq ’il ġewwa għax se taqa’! Xi ġralek?”
Dindu bħal stejqer u resaq lura. Għalaq għajnejh u wara ftit reġa’ fetaħhom u bil-mod il-mod reġa’ beda jara l-affarijiet ta’ madwaru. Niżel jirtogħod minn fuq is-saqaf u mar ħdejn Muxu, li kien qed jistennieh.
“Xi ġralek Dindu? Kont se taqa’? Ħassek ħażin jaqaw?” qallu Muxu.
null
Paġna 4
“Ma nafx x’qed jiġrili! Rajt dawl kbir li għamieni u kont se nitlef il-bilanċ, imma kif ersaqt lura u rġajt ftaħt għajnejja kollox għaddieli!”
“Rajtu r-raġġ tad-dawl jidħol f’għajnejk. Imma minn fejn qed jiġi? Ix-xemx kienet warajk. Taf x’qed naħseb? Hawn xi ħaġa li qiegħda tirrifletti d-dawl tax-xemx lura f’għajnejk u dak qed jagħmik, mhux għax għandek xi ħaġa inti!”
“Hekk taħseb? Jista’ jkun, għax hemm fuq biss jiġrili hekk!” qal Dindu.
“Irridu nsibu x’qed jirrifletti x-xemx. Issa ngħidu lil Fufu u lil Pejxu ħalli jagħtuna daqqa t’id. Għada mur bħas-soltu fuq is-saqaf u aħna noqogħdu għassa. Imma ara ma taqax, ersaq lura għax tajtni qatgħa, ħsibtek se tkejjilha għal isfel!”
null
Paġna 5
Meta l-ħbieb iltaqgħu, ftiehmu li l-għada jiltaqgħu ħdejn il-ħawt tal-ilma. Bdiet tielgħa x-xemx u Dindu s-serduk beda jidden, bi sħabu kollha għassa ħa jaraw x’se jiġri. Sakemm is-sema kien kollu kuluri ma ġara xejn, imma meta x-xemx xirfet fuq ix-xefaq, bajda bajda, raġġ tad-dawl qawwi rrifletta lejn għajnejn Dindu. Fufu l-kelb u Pejxu l-qattus raw ir-raġġ tad-dawl ħiereġ mill-ħawt tal-ilma. Taw is-salt it-tnejn f’daqqa biex imorru jaraw x’kien, b’Fufu jimbotta lil Pejxu ġol-ħawt mimli ilma! Twerżiq, inbiħ u ġenn! Wara ftit Pejxu ggranfa maċ-ċinta tal-ħawt u tela’ mxarrab għasra! Tgħidx kemm għajru lil Fufu li hu goff u selvaġġ.
null
Paġna 6
Fufu qallu li mhux apposta għamel hekk. Pejxu telaq ’il ġewwa għax beda jħoss il-bard. Fufu qal lil Muxu u Dindu x’kien ra u tela’ fuq iċ-ċint tal-ħawt ħalli jara x’kien qed jirrifletti. U taf x’sab? Biċċa mera mkissra li meta tkun tielgħa x-xemx, id-dawl jiġi fuqha u tirrifletti d-dawl lura. Dindu, miskin, ħa r-ruħ li ma kellux xi marda gravi u li l-problema ssolviet bl-għajnuna tal-ħbieb tiegħu.
null
Paġna 7
Tmiem