(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

L-Erba' Mqarqċin 2: Il-Ħalliela tal-Bajd

Mananni, il-mara tal-bidwi, kienet qiegħda tgerger li t-tiġieġ jew ma baqgħux ibidu bħas-soltu, jew xi ħadd kien qiegħed jisirqilhom il-bajd. Bdiet tinkwieta li forsi kienu se jimirdu u mhux se jkollha bajd biżżejjed biex issajjar! Pejxu, minn fuq il-pultruna komda tiegħu, għalkemm b’għajnejh magħluqin kien qiegħed jisma’ kollox. Din il-biċċa ma bdietx iddoqqlu għax it-tiġieġ kienu jidhru f’saħħithom u Dindu s-serduk kien jgħidlu żgur jekk ikun hemm xi problema. L-aħjar li jmur jgħidlu x’kienet qed tgħid sidthom u jaraw x’kien qed jiġri!
null
Paġna 1
Telaq lejn il-maqjel u hu u sejjer rah Fufu l-kelb, li staqsieh fejn kien sejjer għodu għodu. Pejxu l-qattus qallu biex imur miegħu. Kif daħlu fil-maqjel raw lil Muxu l-fenek u lil Dindu s-serduk jitkellmu. L-erbat iħbieb ferħu b’xulxin imbagħad Dindu staqsa lil Pejxu u Fufu x’kien ġabhom ’l hemm daqshekk kmieni. Pejxu qallu x’kien sema’ lil Mananni tgħid. Dindu baqa’ skantat għax, sa fejn kien jaf hu, it-tiġieġ kienu qed ibidu bħas-soltu, jekk mhux aktar ukoll! Qalilhom jieħdu ftit paċenzja u jistennewh ħalli jkun ċert milli qiegħed jgħid, u telaq jiġri jitkellem mat-tiġieġ tiegħu ħalli jara kienx kollox sew.
null
Paġna 2
Ma kienx mar żmerċ għax qalulu li kollha kienu qegħdin ibidu. Mela l-bajd nieqes fejn kien qed imur? Bilfors li xi ħadd kien qiegħed jisirqu! Mar jgħid lil sħabu, li mill-ewwel bdew iħabblu rashom kif se jsolvuha din il-biċċa. Min qal ħaġa u min qal oħra, imma fl-aħħar Dindu s-serduk qalilhom li peress li dan qiegħed jiġri fl-għalqa tiegħu, allura se jieħu ħsieb dil-biċċa hu. U baqgħu hekk. Dindu għamel laqgħa lit-tiġieġ u trid tara xi storbju u geġwiġija qamet. Kulħadd irid jgħid tiegħu u sa anke kienu se jiġġieldu, meta lil Dindu telgħulu u beda jidden u jiġri warajhom biex jisktu.
null
Paġna 3
Xħin waqgħet ftit il-kalma qalilhom li ried żewġ tiġiġiet li jibqgħu għassa f’rokna, taparsi reqdin u jaraw x’jiġri. Qalilhom biex ma jiċċaqalqux, jaraw x’jaraw. Għażel lis-sewda u l-ġinġrija biex ma tantx jagħtu fil-għajn. Ftiehmu li jerġgħu jiltaqgħu wara li jaraw x’se jiġri. Dakinhar it-tiġieġ biedu bħas-soltu u malli beda jidlam kollha nġabru. Il-ġinġrija staħbiet wara xkora tiben biex ma tidhirx u s-sewda marret f’rokna fejn donnha sparixxiet! Wara li għaddew xi sagħtejn qabadhom in-ngħas u kienet diġà sejra għajnhom bihom meta semgħu bħal tħaxwix ġej minn fejn kienu jbidu t-tiġieġ. Il-ġinġrija ħarġet rasha ’l barra ħalli tara x’kien qed jiġri u s-sewda fetħet par għajnejn daqsiex! X’kien qed jiġri?
null
Paġna 4
Fid-dawl tal-qamar, li kien dieħel mit-tieqa tal-maqjel, jaraw qisha kaxxa taż-żraben miexja weħidha. Imma ma jistax ikun! Żgur kienu qegħdin joħolmu! Il-kaxxa kompliet miexja bil-mod lejn il-bejta bil-bajd u meta waqfet jaraw lil Niggieża l-qanfuda toħroġ minn wara l-kaxxa li kienet qed timbotta, tieħu bajda u tqegħidha ġol-kaxxa li fiha kien hemm ftit tiben, biex il-bajd ma jinkisirx! Wara li poġġiet żewġ bajdiet reġgħet bdiet timbottaha bil-mod lejn il-bieb tal-maqjel. Meta t-tiġieġ rawha li ħarġet mill-bieb marru jiġru jaraw fejn kienet sejra bihom. Rawha tidħol taħt bank li kien hemm fil-ġenb tal-maqjel. Reġgħu marru lura lejn il-maqjel ħalli jilħqu jieħdu nagħsa qabel ma jisbaħ.
null
Paġna 5
Dindu s-serduk maż-żerniq beda jidden ħalli jqajjem lit-tiġieġ sabiex jibdew jum ġdid. Meta xeba’ jiftaħ ħalqu u jsemma’ leħnu, mar iqajjem lis-sewda u l-ġinġrija, li kienu għadhom fl-isbaħ raqda, ħalli jara kinux raw xi ħaġa billejl. Huma qalulu x’kien ġara u hu mar jiġri jsib lil Muxu l-fenek u Fufu l-kelb biex jgħidilhom. Fufu mar iqajjem lil Pejxu l-qattus u l-erbgħa ltaqgħu fil-maqjel. Xħin qalilhom bl-istorja, Fufu ried imur jara l-bejta tal-qniefed. Telaq jiġri bi sħabu jiġru warajh. Mar ħdejn il-bank u beda jxammem taħtu. U tassew hemm kienet il-bejta tal-qniefed, b’Niggieża l-qanfuda għassa tagħha!
null
Paġna 6
Beda jinbaħ kemm jiflaħ. Niggieża saret ballun u ħarġet għalih għax ħasbet li se jattakka liż-żgħar tagħha. Xħin Fufu ra dak il-lanżit ġej għalih ħarab jiġri ’l hemm flimkien ma’ sħabu.
L-għada filgħodu Pejxu kien qiegħed bħas-soltu fuq il-pultruna jongħos meta sema’ lil Mananni tgħid ferħana li sabet ħafna bajd dik il-għodwa. Pejxu mar jiġri ħdejn sħabu u marru jittawlu l-bejta ta’ Niggieża imma ma kien hemm xejn! Niggieża kienet qabdet liż-żgħar tagħha u marret taħbihom xi mkien ieħor. U daqshekk insteraq bajd! Dindu tgħidx kemm iffanfra li rnexxielu jsolvi l-problema waħdu!
null
Paġna 7
Tmiem