(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

L-Erba' Mqarqċin 1: L-Ikel Jisparixxi

Pejxu kien inkwetat. Il-jum ta’ qabel kienet ġratlu waħda tinkiteb! Sidtu poġġietlu l-ikel u Pejxu niżel minn fuq il-pultruna u mar jiekol. Xħin kiel kważi nofsu, reġa’ qabdu n-ngħas u mar jieħu nagħsa oħra. Wara xi nofs siegħa jongħos reġa’ qabdu l-ġuħ u niżel ħalli jkompli jiekol. Imma l-platt kien vojt! Ma jistax ikun għax hu kien ħalla iżjed minn nofsu! Tgħidx kemm beda jinkwieta! Kellu seba’ mitt sena biex jiltaqa’ mal-ħbieb tiegħu Muxu, Fufu u Dindu ħalli jiftaħ qalbu magħhom!
null
Paġna 1
Mar fejn is-soltu kienu jiltaqgħu l-ħbieb. Pejxu beda jirrakkontalhom x’kien ġralu, imma lanqas laħaq spiċċa li sħabu ma qalulux li kien ġralhom l-istess. Xi ħadd kien qiegħed jisirqilhom l-ikel! Ftiehmu li joqogħdu għassa ħalli jaraw min kien qiegħed jieklu. L-għada Pejxu kiel l-ikel imma ħalla ftit fil-qiegħ. Tela’ fuq il-pultruna, għamel tabirruħu li rieqed u bexxaq għajn waħda ħalli jara min jiġi ħdejn il-platt tiegħu. Stenna u stenna u fl-aħħar għajnu marret bih u raqad.
null
Paġna 2
F’daqqa waħda stenbaħ, ħares lejn il-platt u rah vojt! Baħnan li kien, ma rnexxilux jaqbad il-ħalliel li kien reġa’ seraqlu l-ikel. Mar jara sħabu kif baqgħu imma huma qalulu li l-ikel tagħhom kien baqa’ hemm. L-għada reġgħu għamlu l-għassa. Din id-darba Fufu daħħal f’moħħu li ried jaqbdu hu l-ħalliel! Ħalla nofs l-ikel forsi jħajru jiġi jiekol tiegħu. Kien ilu xi siegħa mimdud mal-art mistoħbi wara kaxxa meta f’daqqa waħda ħabbat il-bieb u telaq jiġri jinbaħ kemm jiflaħ, ħalli jara min kien ġie. Kien wieħed mill-ġirien li kellu bżonn xi ħaġa. Reġa’ mar lura imma xħin ħares lejn il-platt għajnejh qabżulu xiber ’il barra. L-ikel kien sparixxa!
null
Paġna 3
Dindu qalilhom li se jaqbdu żgur! Ħalla nofs l-ikel fil-platt u tela’ jistaħba fuq ir-raff u qagħad għassa. F’daqqa waħda sema’ ħafna storbju u xħin ittawwal jara ġlieda kbira bejn żewġ tiġiġiet. Tar jiġri għal hemm u tgħidx x’battikata ħa biex firidhom! Wara dik il-kedda reġa’ telaq biex ikompli l-għassa imma l-ħalliel kien reġa’ għamilha! L-ikel kien sparixxa! Kollu rrabjat mar isib lil sħabu biex jgħidilhom li hu wkoll falla.
null
Paġna 4
Kien imiss lil Muxu jagħmel l-għassa. Dan ħalla ftit ikel u kompla għaddej b’dak li s-soltu jagħmel ħalli l-ħalliel jaħseb li mhux qiegħed għassa tiegħu. Wara li għaddiet xi nofs siegħa ra xi ħaġa tiċċaqlaq. F’daqqa waħda jara ġurdien kbir jiġri għall-ħawt, jaħtaf l-ikel u jerġa’ jisparixxi. Mela Makakku, il-ġurdien ix-xiħ, kien il-ħalliel! Mar jiġri u malli ra lil Dindu qallu, “Taf min qed jiklilna l-ikel? Makakku, il-ġurdien ix-xiħ!”
null
Paġna 5
Dindu beda jidden waħda f’waħda u Pejxu u Fufu malli semgħu dak l-istorbju kollu telqu jiġru lejn il-maqjel ħalli jaraw xi nqala’. Dindu qalilhom x’kien ra Muxu u staqsiehom x’jaħsbu li l-aħjar isir. Pejxu u Fufu qalulhom li huma ma kinux se jissograw jaqbduh għax kien b’saħħtu wisq għalihom. Fl-aħħar iddeċidew li jagħmlulu n-nassa l-kbira li kellha sidthom. Fufu mar kaxkara fil-maqjel u Pejxu seraq biċċa ġbejna tal-bżar minn fuq il-mejda. Għamluhielu fin-nassa u għal daqsxejn ma qabditlux siequ lil Pejxu xħin kien qed jagħmilha!
null
Paġna 6
Għal xi nofsillejl, Makakku qabdu l-ġuħ! Ħareġ fil-maqjel u beda jxomm riħa taqsam ta’ ġobon ifuħ! Beda jersaq bil-mod u ra biċċa ġbejna fuq biċċa njama. Resaq lejha nkiss inkiss, ta daqqa t’għajn madwaru, u wara li kien ċert li qiegħed waħdu, qabeż fuq l-injama biex jaħtaf il-ġobon. Imma malli siequ messet mal-injama… Xpaqq! Biċċa ħadida qabditlu siequ u ma setax jitħarrek! Beda jwerżaq bl-uġigħ, imma wara li għaddietlu ftit il-qatgħa, ta’ makakk li kien, induna li kienu għamlulu nassa biex jaqbduh.
null
Paġna 7
Waqaf iwerżaq u beda jipprova jiġbed siequ imma kienet maqbuda sew. Lemaħ zokk żgħir mal-art. Min jaf li kieku jipprova jdaħħal iz-zokk ġon-nassa? Forsi jirnexxilu jgħolli ftit il-ħadida ħalli jkun jista’ joħroġ siequ. Beda jkaxkar in-nassa sa ma ġie bi dritt iz-zokk u, b’ħafna tbatija u taqtigħ il-qalb, sa fl-aħħar irnexxielu jdaħħal iz-zokk taħt il-ħadida u bil-mod il-mod il-ħadida bdiet togħla. Malli ħass li l-piż naqas minn fuq siequ ġibidha u telaq jiġri kemm jiflaħ ’il barra. L-għada, il-ħbieb sabu n-nassa ftit lil hemm minn fejn kienu ħallewha, biz-zokk imwaħħal ġo fiha, imma Makakku ma kienx hemm! U daqshekk sparixxielhom l-ikel!
null
Paġna 8
Tmiem