
Wasal żmien il-briju u l-ferħ f’Ħal Xuxa,
li jġib miegħu jum il-festa tal-għeneb. Din
il-festa tant kienet imfittxija mix-Xuxani li
kienu jibdew jitkellmu b’entużjażmu dwarha
minn ġimgħat qabel.
Il-festa tal-għeneb tiġi organizzata kull
sena minn Ġanni u martu Nena fir-razzett
tagħhom f’tarf ir-raħal. Biex ngħidu kollox,
din il-festa kellha bidu kemxejn partikolari
għaliex kienet frott il-ħbiberija speċjali
li Ġanni l-bidwi għandu mas-sindku ta’
Ħal Xuxa, is-Sur Enrico Pandolfino
Parascandolo.
Ġanni l-bidwi hu magħruf mar-raħal
kollu bħala bniedem kwiet u maqtugħ
għalih, b’ħajtu marbuta ma’ dak kollu
li kien iseħħ fir-razzett. Għalhekk
il-ħbiberija tiegħu mas-Sur Pandolfino
Parascandolo ssorprendiet lil kulħadd għaliex jekk kont tarahom flimkien kienu
qishom il-lejl u n-nhar.












