
Ġużi u Helen kienu ilhom miżżewġin aktar minn tletin sena. L-unika tifla li kellhom, Sefora, kienet iżżewġet Ingliż u marret tgħix Londra. Kull min kien jafhom, ħlief kliem ta’ tifħir ma kienx ikollu xi jgħid dwar il-koppja. Kienu jkellmu lil kulħadd u fejn jistgħu dejjem kienu ta’ għajnuna għall-ġirien tagħhom. Mill-bieb ’il barra kollox kien jidher ward u żahar, imma f’darhom kienu jiġġieldu daqs kelb u qattus! Sa mill-ewwel sena taż-żwieġ tagħhom kienu jillatikaw u jimpikaw fuq ix-xejn u ma jċedux waħda lil xulxin. Ġużi kien jinsa malajr, imma Helen kienet iżżomm f’qalbha aktar fit-tul.






