(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Kelb bil-Kalamita
Kevin għandu ħabib li l-iskola joqgħod bilqiegħda maġenbu. Dan il-ħabib jismu Ruben.
Paġna 1
Jum wieħed Ruben tah kelb tal-plastik żgħir. Fuq wara kellu kalamita sewda, tonda. “Dan il-kelb tista’ twaħħlu mal-bieba tal-friġġ,” qal Ruben lil sieħbu. “Il-kalamita taqbad mal-ħadid u l-bieba tal-friġġ tkun tal-ħadid.”
Paġna 2
Il-kelb kien xi ftit mibrux, imma lil Kevin għoġbu ħafna u għamel il-ħsieb li jwaħħlu mal-friġġ kif qallu Ruben.
Paġna 3
Il-mamà tiegħu ġa kellha xi figuri ta’ frott u ħxejjex imwaħħlin mal-friġġ bil-kalamita. Iżda meta wera l-kelb lill-mamà u qalilha li xtaq iwaħħlu mal-friġġ, hija qaltlu le. “L-ewwel nett dan il-kelb mhux sabiħ għax kollu mibrux,” bdiet tispjegalu. “U t-tieni, dan ma jmurx mal-frott u l-ħxejjex li għandi mal-friġġ.”
Paġna 4
“Għaliex, mamà?” ried jaf Kevin. “Għax il-frott u l-ħxejjex is-soltu ndaħħluhom fil-friġġ,” qaltlu l-omm, “imma l-kelb qatt ma ndaħħluh fil-friġġ, mhux hekk?” Kevin għamel ftit tal-geddum, imma la l-mamà qaltlu le kellu jobdi.
Paġna 5
Xi jumejn wara l-mamà kienet qiegħda twassal lil Kevin lura d-dar mill-iskola. Qrib id-dar tagħhom kien hemm dar vojta. Ma kien joqgħod fiha ħadd. Quddiem din id-dar kien hemm sprall biex id-dawl u l-arja jgħaddu għal ġol-kantina ta’ taħt id-dar.
Paġna 6
Malli Kevin u l-mamà waslu qrib dan l-isprall il-mamà fetħet il-portmoni u ħarġet iċ-ċavetta biex tiftaħ il-bieb tad-dar. Hi u tagħlaq il-portmoni, iċ-ċavetta waqgħet minn idha u baqgħet nieżla bejn il-vireg tal-isprall.
Paġna 7
Il-mamà tgħidx kemm inkwetat! “Issa kif se nidħlu d-dar?” bdiet tikkonfondi. “X’waħda din! X’biċċa ġratli! Se jkollna nibqgħu hawn barra fit-triq sakemm jasal il-papà mix-xogħol fil-ħamsa u nofs!”
Paġna 8
Kevin, għall-ewwel, beda jikkonfondi hu wkoll. Iżda mbagħad ġieh ħsieb. Niżżel il-basket tal-iskola minn wara dahru għal fuq il-bankina. Fetaħ il-basket u ħareġ minnu l-kelb bil-kalamita. Kellu spaga twila li kienet imkebba miegħu u Kevin beda jħollha.
Paġna 9
Meta ħall l-ispaga kollha dendel il-kelb bejn il-vireg tal-isprall għal fuq iċ-ċavetta li kienet tidher sew fil-qiegħ tal-isprall. Iċ-ċavetta kellha magħha ħolqa u Kevin beda jbandal il-kelb sakemm il-kalamita ħabtet mal-ħolqa u qabdet magħha. Imbagħad ġibed l-ispaga bil-mod il-mod sakemm seta’ joħroġ il-kelb u ċ-ċavetta minn ġol-isprall.
Paġna 10
Il-mamà ħassitha fis-seba’ sema biċ-ċavetta lura f’idha. Lil Kevin qaltlu prosit tal-bravura li kien għamel u mbagħad għannqitu u bisitu.
Paġna 11
Meta daħlu d-dar ħadet f’idejha l-kelb tal-kalamita u neħħietlu l-ispaga. Imbagħad waħħlitu mal-bieba tal-friġġ, bil-figuri tal-frott u l-ħxejjex imdawrin miegħu. Issa kien jixraq li taqta’ x-xewqa ta’ Kevin.
Paġna 12
Kien permezz ta’ dak il-kelb mibrux li t-tifel solvielha l-problema taċ-ċavetta mitlufa. U sal-lum il-kelb għadu mwaħħal mal-bieba tal-friġġ.