(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
It-Tlett Iqżieqeż
Darba fost l-oħrajn kien hemm ħanżira li kellha tlett iqżieqeż ċkejknin. Din ma kellhiex biex trabbihom u bagħtithom qalb l-għelieqi jfittxu xortihom.
Paġna 1
L-ewwel qażquż iltaqa’ ma’ bidwi li kien qed iġorr it-tiben. “Sinjur, nitolbok, agħtini balla tiben ħalli nibni dar,” talbu l-qażquż. Il-bidwi laqa’ t-talba tal-qażquż u tah balla tiben, u l-ewwel qażquż bena dar biha.
Paġna 2
Ma damx wisq ma ġie l-lupu u ħabbatlu l-bieb. “Qażquż ċkejken, qażquż ċkejken, ħallini nidħol għandek.”
Il-qażquż wieġbu, “Le, le, nini nini ndaħħlek ġewwa!”
Paġna 3
“Mela se nonfoħ u nonfoħ, u nwaqqagħlek id-dar,” qallu l-lupu.
U nefaħ u nefaħ, u waqqagħlu d-dar u l-lupu kiel l-ewwel qażquż.
Paġna 4
It-tieni qażquż iltaqa’ ma’ raħħal b’tagħbija zkuk. “Sinjur, nitolbok, agħtini dawk iz-zkuk ħalli nibni dar,” talbu l-qażquż. Ir-raħħal laqa’ t-talba tal-qażquż u tah iz-zkuk, u t-tieni qażquż bena dar bihom.
Paġna 5
Ma damx wisq ma ġie l-lupu u ħabbatlu l-bieb. “Qażquż ċkejken, qażquż ċkejken, ħallini nidħol għandek.”
Il-qażquż wieġbu, “Le, le, nini nini ndaħħlek ġewwa!”
Paġna 6
“Mela se nonfoħ u nonfoħ, u nwaqqagħlek id-dar,” qallu l-lupu.
U nefaħ u nefaħ, u nefaħ kemm felaħ, u fl-aħħar waqqa’ d-dar u l-lupu kiel it-tieni qażquż.
Paġna 7
It-tielet qażquż iltaqa’ ma’ bennej bi vjeġġ ġebel. “Sinjur, nitolbok, agħtini dak il-ġebel ħalli nibni dar,” talbu l-qażquż. Il-bennej laqa’ t-talba tal-qażquż u tah il-ġebel, u t-tielet qażquż bena dar bih.
Paġna 8
Ma damx wisq ma ġie l-lupu u ħabbatlu mal-bieb, bħalma għamel mal-qżieqeż l-oħra. “Qażquż ċkejken, qażquż ċkejken, ħallini nidħol għandek.”
Il-qażquż wieġbu, “Le, le, nini nini ndaħħlek ġewwa!”
Paġna 9
“Mela se nonfoħ u nonfoħ, u nwaqqagħlek id-dar,” qallu l-lupu.
U nefaħ u nefaħ, u nefaħ kemm felaħ, u nefaħ fuq li nefaħ; iżda kien kollu għalxejn. Meta ra li ma setax iwaqqagħlu d-dar bl-infiħ tiegħu, il-lupu qal, “Qażquż ċkejken, naf b’għalqa fejn jikber ġmiel ta’ pastard.”
Paġna 10
“Fejn?” staqsieh il-qażquż.
“Uuu... fl-għalqa tas-Sur Sant. Jekk tkun lest, għada filgħodu niġi għalik u mmorru flimkien inġibu ftit għall-ikla ta’ nofsinhar.
“Tajjeb wisq,” qallu l-qażquż, “inkun lest. Fi x’ħin trid li mmorru?”
“Fis-sitta ta’ filgħodu.”
L-għada, il-qażquż qam fil-ħamsa, mar ġabar ftit pastard, daħal lura d-dar u lesta borma mimlija fuq in-nar.
Il-lupu tgħidx kemm irrabja, imma ħaseb bejnu u bejn ruħu kif seta’ jqarraq bil-qażquż.
Paġna 11
“Qażquż ċkejken, naf fejn hemm siġra sabiħa tat-tuffieħ,” qallu l-lupu.
“Fejn?” staqsieh il-qażquż.
“Ħdejn Ġnien il-Kaptan,” wieġbu l-lupu. “Niġi għalik għada fil-ħamsa ta’ filgħodu u mmorru flimkien inġibu ftit tuffieħ.”
Paġna 12
L-għada, il-qażquż qam fl-erbgħa u mar malajr iġib ftit tuffieħ, bit-tama li jasal qabel il-lupu. Iżda kellu jmur aktar fil-bogħod u ried jixxabbat ma’ siġra.
Paġna 13
Xħin kien nieżel minn fuq is-siġra ra l-lupu ġej, u kif tistgħu taħsbu beża’ ħafna. Meta l-lupu wasal ħdejh, qallu, “Qażquż ċkejken, kif? Diġà wasalt qabli? Sabiħ it-tuffieħ?”
“Iva, ħafna,” wieġbu l-qażquż, “ħa nwaddablek waħda.” U waddablu waħda tant ’il bogħod li sakemm il-lupu mar għaliha, il-qażquż niżel minn fuq is-siġra u ġera lejn id-dar.
Paġna 14
L-għada l-lupu reġa’ ġie u qal lill-qażquż, “Qażquż ċkejken, hemm fiera r-raħal illum waranofsinhar. Trid immorru?”
“U żgur,” wieġbu fil-pront il-qażquż. “X’ħin tkun lest?”
“Fit-tlieta,” qallu l-lupu.
Il-qażquż telaq qabel, bħas-soltu. Wasal il-fiera u xtara bettija, u kien sejjer lura d-dar meta fil-pront ra lil-lupu ġej. Ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel. Allura daħal ġol-bettija biex jistaħba, imma waqt li kien dieħel inqaleb biha u qabad nieżel in-niżla b’kollox. Il-lupu tant beża’ li ħarab jiġri lejn id-dar mingħajr ma mar il-fiera.
Paġna 15
L-għada l-lupu mar għand il-qażquż u qallu kemm beża’ mill-bettija li ġriet għal warajh. Imbagħad il-qażquż qallu, “Ħeħ! Beżżajtek, hux? Jien mort il-fiera u xtrajt bettija u meta rajtek ġej dħalt ġo fiha u nżilt in-niżla għal warajk.”
Paġna 16
Il-lupu tgħidx kemm irrabja, u qatagħha li jiekol lill-qażquż billi jidħollu fid-dar minn ġoċ-ċumnija.
Paġna 17
Meta l-qażquż ra x’kien se jiġri, poġġa borma kbira mimlija bl-ilma fil-fuklar u qabbad in-nar taħtha. Hekk kif il-lupu kien nieżel, neħħa l-għatu tal-borma u l-lupu baqa’ nieżel dritt ġo fiha. Minnufih, il-qażquż għatta l-borma mill-ġdid, għallieh u kielu għall-ikla ta’ filgħaxija.