oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ir-Raħal tan-Nani 22: Id-Dgħajsa ta’ Melħu

null
Melħu kien qiegħed jerġa’ jaħseb għas-sajf. Kien qiegħed jara x-xbieki fihomx xi toqob ħalli jsewwihom. Kien irid jiċċekkja wkoll il-basktijiet li fihom kien iġorr il-ħut biex jara jkollux bżonn jordna xi ftit ġodda.
Paġna 1
null
Meta s-sajf li għadda kien ikun qiegħed jistad minn fuq il-blat, ġieli ra xi dgħajsa kbira għaddejja fuq ix-xefaq. Kien qiegħed jhewden jekk hu kellux il-ħila jagħmel waħda żgħira biex ikun jista’ joħroġ jistad ftit fil-fond. Ix-xogħol fl-injam kien kapaċi ħafna fih għax hu kien mastrudaxxa prim, imma l-problema kienet l-għamla tad-dgħajsa biex tkun tista’ żżomm fil-wiċċ. F'daqqa waħda ġieh ħsieb f'moħħu... ikellem lil Vintu! Dak żgur kapaċi iżjed minnu daqskemm kien jivvinta affarijiet.
Paġna 2
null
Mar ifittxu u sabu ġo rokna waħdu jaħseb x'se jivvinta.
“Vintu, għandi bżonn il-parir u l-għajnuna tiegħek.”
“Għidli. Fiex nista' ngħinek?” qallu Vintu.
“Kont qiegħed naħseb biex nibni dgħajsa żgħira ħalli mmur nistad fil-fond forsi naqbad iżjed ħut. Biex naħdimha mhux problema, imma ma nafx kif irrid nagħmilha biex iżżomm f'wiċċ l-ilma u ma tegħriqx!” qallu Melħu inkwetat.
“Tieħu ħsieb xejn. Issa nagħmillek żewġ disinji u nagħmlu mudell ta’ dgħajsa żgħira ħalli nippruvawha l-ewwel. Jekk iżżomm fil-wiċċ ngħabbuha bi ftit piż u jekk ma tegħriqx nagħmlu waħda kbira. X'taħseb?” qallu Vintu.
“Iva, hekk nagħmlu! Jekk jirnexxilna, l-ewwel qabda ħut li naqbad mid-dgħajsa lilek nagħtiha!” qallu Melħu.
Paġna 3
null
Għaddew xi ġranet u Melħu reġa' rħielha għal għand Vintu.
“Ara, x'jidhirlek? Jien iddisinjajtha li toqogħdu tnejn komdi u jkollok fejn tqiegħed ix-xbieki u l-basktijiet tal-ħut. Għamiltha ġejja għall-ponta minn quddiem u ċatta minn wara. X'taħseb? Kapaċi tagħmilha?”
Lil Melħu tgħidx kemm għoġbitu, sa kellu qisu bank żgħir fejn joqgħod bilqiegħda u anki ħasiblu fejn jista’ jagħmel tinda minħabba x-xemx! Kellu wkoll l-imqadef biex ikun jista’ jmexxi d-dgħajsa! Melħu qal lil Vintu li kien se jibda d-dgħajsa ż-żgħira ħalli jaraw kif tmur fil-baħar.
Paġna 4
null
Melħu kellu seba’ mitt sena biex jibda d-dgħajsa l-kbira. Fuq id-dgħajsa ż-żgħira dam għaddej xi ġimgħa, jaħdem u jirfina, u sa fl-aħħar kienet lesta. Kulħadd beda ġej ħalli jaraha lesta għax kienu semgħu li Melħu u Vintu kienu qegħdin jivvintaw xi ħaġa. Vintu kien ġie jaraha u għoġbitu ferm. Milli ra, Melħu kien mexa eżatt mad-disinn tiegħu, allura suppost id-dgħajsa kellha żżomm f'wiċċ l-ilma.
Paġna 5
null
Qabdu d-dgħajsa u niżlu biha x-xtajta, bil-biċċa l-kbira tan-nani jmorru warajhom. Poġġew id-dgħajsa bil-mod fl-ilma. Għall-ewwel bdiet titbandal min-naħa għall-oħra imma wara ftit issodat, b'kulħadd iżomm in-nifs jistenna ħalli jara jidħolx ilma. Imma d-dgħajsa ħelwa baqgħet fil-wiċċ titbandal bil-mod maċ-ċaqliq tal-baħar. F'daqqa waħda kulħadd beda jgħajjat u jċapċap bil-ferħ.
Paġna 6
null
Issa Melħu seta’ jagħmel id-dgħajsa l-kbira, dik li kien se jmur jistad fiha. Għadda ż-żmien u d-dgħajsa ta' Melħu kienet lesta. Bl-għajnuna tal-ħbieb tiegħu niżżluha x-xatt u tefgħuha fil-baħar. Melħu beda jħares lejn id-dgħajsa, b'qalbu ttaqtaq ħalli jara żżommx f'wiċċ l-ilma. Id-dgħajsa fil-wiċċ baqgħet u ma daħlitx qatra ilma!
Issa kien jonqos prova iebsa. Ried jidħol fiha u jitgħallem kif imexxiha bl-imqadef. Ġibdu d-dgħajsa fuq ir-ramel. Kienu rabtu ħabel oħxon ħalli jekk jinqala’ xi ħaġa jkunu jistgħu jiġbduha lura. Melħu tela’ fiha u ħa l-imqadef. Reġgħu imbuttawha fl-ilma u Melħu beda jipprova jaqdef. Għall-ewwel beda daqqa jaqdef fuq naħa u daqqa fuq oħra u d-dgħajsa bdiet iddur dawramejt! Vintu beda jgħidlu biex jaqdef bit-tnejn f'daqqa jekk irid jimxi dritt. Melħu sema’ minnu u fl-aħħar sab kif imexxiha sew. Wara ħallew id-dgħajsa mgħottija fuq ir-ramel u kulħadd telaq kuntent lejn daru.
Paġna 7
null
L-għada Melħu ħareġ jistad u qabad ftit ħut kbir mhux ħażin! Kollu ferħan telaq bih għand Vintu.
“Ġibtlek l-ewwel qabda ħut, kif kont wegħedtek.”
Vintu feraħ ħafna u qal lil kulħadd li kien se jagħmel ikla ħut. Dik il-lejla kien hemm festa tal-ħut. Melħu ta d-dgħajsa ż-żgħira lit-tfal biex jilagħbu biha fl-għadira li kien hemm fil-wied.
Paġna 8
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations