(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ir-Raħal tan-Nani 20: Bomblu, Bajtru u l-Ħmara l-Griża

Sebaħ jum sabiħ tar-rebbiegħa u Bomblu u Bajtru kienu qegħdin jiddiskutu x’se jaqbdu jagħmlu dakinhar. Bajtru ma kellux aptit imur xi mkien ’il bogħod u beda jgħid lil Bomblu biex joqogħdu xi mkien għall-frisk jgħidu kelma. Imma Bomblu kien daħallu ħsieb f’moħħu. Xtaq li jmorru fil-wied ħdejn l-għadira u jaraw jaqbdux xi żewġ ħutiet tal-ilma ħelu.
Għall-ewwel Bajtru ma tantx għoġbu l-ħsieb imma wara li Bomblu qagħad jiffittah ftit, ftiehmu li jmorru. Ħadu żewġ bramel ħalli jkollhom fejn ipoġġu l-ħut li jaqbdu u żewġ koppijiet biex jaqbdu l-ħut bihom. Telqu għan-niżla lejn ix-xtajta. Is-sema kien ikħal nir u kollox kien ileqq qisu xi ġgant kien ħasel kullimkien.
null
Paġna 1
Waslu ħdejn ix-xtajta u ħadu t-triq lejn il-wied. Kien hemm għadira kbira fejn kien jinġabar l-ilma tax-xita. Kien fiha żrinġijiet, ħut tal-ilma ħelu, għasafar u insetti jpespsu u jżanżnu ’l hawn u ’l hemm. Bdew iduru mal-għadira ħalli jaraw minn fejn ikun l-aħjar jaqbdu xi ħuta. Ħut kien hemm mhux ħażin imma mhux lakemm taqbadhom!
null
Paġna 2
Wara li damu jitħabtu mhux ħażin u ma nafx kemm-il darba kienu se jispiċċaw fl-għadira, qabdu erba’ ħutiet kull wieħed! Għamluhom fil-bramel u qagħdu ftit bilqiegħda jistrieħu wara dik il-battikata li kienu ħadu. Wara ftit xebgħu bilqiegħda, tefgħu l-ħut lura fl-għadira u ddeċidew li jmorru jimxu mal-ġenb tal-wied u jaraw hemmx kappar għax omm Bajtru qaltlu biex jara jekk hemmx ħalli xi ġurnata tinżel taqtgħu.
null
Paġna 3
Wara li mxew mhux ħażin, semgħu ħsejjes ta’ xi annimal ġej minn wara ħajt mimli bil-bajtar tax-xewk. Imxew ftit ieħor biex isibu daħla għal ġol-għalqa u fl-aħħar sabu passaġġ bejn iz-zkuk tal-bajtar.
Bdew jissemmgħu ħalli jaraw il-ħoss mnejn kien ġej u wara ftit raw ħmara żgħira griża b’saqajha maqbudin ġo ħaxix li jixxeblek, qiegħda tipprova tinqala’. Miskina, iktar ma bdiet tipprova tinqala’, saqajha ta’ wara iktar bdew jitgeżwru ġol-pjanta.
null
Paġna 4
Bajtru u Bomblu bdew iħarsu lejn xulxin. X’se jagħmlu? Tgħid tħallihom jgħinuha? Bdew jersqu lejha bil-mod biex ma jbeżżgħuhiex. Il-ħmara għall-ewwel bdiet titħabat, imma wara ftit bħal indunat li kienu se jgħinuha. Bomblu beda jersaq lejha u jkellimha u wara beda jmellsilha rasha. Hi wara ftit bdiet tieħu pjaċir għax kienet ħmara kwieta u kienet tidher ftit xiħa.
Bajtru sadanittant beda jaqla’ l-ħaxix minn ma’ saqajha. Ftit ftit irnexxielu jaqlagħha u l-ħmara meta sabet ruħha ħielsa ferfret tnejn saqajha ta’ wara u għal daqsxejn ma laqtitux! Bajtru warrab lura u Bomblu taptpilha tnejn fuq rasha u telqu ’l hemm.
null
Paġna 5
Kemm kienet ħelwa dik il-ħmara! Dnub telquha hemm! Bdew mexjin lura lejn id-dar u wara ftit semgħu ħoss warajhom. Il-ħmara l-griża kienet miexja warajhom! Ippruvaw ikeċċuha biex tmur minn fejn ġiet imma kollu ta’ xejn. Meta bdew joqorbu lejn id-dar kien hemm nanu li ra lil Bomblu u Bajtru ġejjin bil-ħmara l-griża miexja warajhom. Telaq jiġri jgħajjat kemm jiflaħ li Bomblu u Bajtru kienu ġabu ħmara magħhom.
null
Paġna 6
Kulħadd ħareġ jara x’kien qiegħed jiġri u veru li kien qal it-tifel! Ħmara żgħira griża kienet miexja wara Bomblu u Bajtru! Patatu, missier Bajtru, ukoll ħareġ jara x’ġara. Beda jistaqsi lil ibnu x’kienet qiegħda tagħmel dik il-ħmara hemm u minn fejn kienu ħaduha. Bajtru beda jgħidlu li ma kienu ħaduha minn imkien, hi kienet imxiet warajhom! U qallu l-istorja kollha.
null
Paġna 7
Meta mar qrib il-ħmara Patatu ntebaħ li tassew kienet tidher xiħa u li probabbli xi ħadd kien telaqha barra. Beda jkellimha u hi marret titgeddes miegħu. Kienet tassew ħmara fidila, kwieta u ta’ min iħobbha! Patatu ddeċieda li jżommha u jgħid lil Bajtru jieħu ħsiebha. Bajtru ma tantx ħa gost li żdiedlu x-xogħol imma l-ħmara l-griża tassew kienet ħelwa. Patatu beda jeħodha miegħu fl-għelieqi u kien jgħabbiha b’xi ħaġa ħafifa, taparsi qiegħda taħdem u tgħinu fix-xogħol. Patatu kultant kien itella’ t-tfal iż-żgħar fuq daharha u jeħodhom dawra żgħira. Il-Ħmara l-Griża kienet sabet xortiha għax kienet sabet min jieħu ħsiebha u min iħobbha!
null
Paġna 8
Tmiem