Melħu kellu ġurnata xogħol iebsa quddiemu. Illum kien se jnaddaf is-salini li kellu ’l ġewwa mis-sies il-kbir tat-tafal.
Dawn kien sabhom b’kumbinazzjoni meta darba fettillu jibqa’ dieħel ’il ġewwa mix-xtajta. Ried jara jsibx xi post tajjeb biex jaqbad iżjed ħut. Ħdejn ix-xtajta l-baħar max-xatt ma kienx fond ħafna allura ma kienx jaqbad xi ħut kbir.






