(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ir-Raħal tan-Nani 18: Melħu u l-Mitraħ tar-Rix

Ix-xitwa kienet qed toqrob lejn tmiemha. Diġà l-arja bdiet tisħon. Beda jżernaq aktar kmieni u l-jum beda ġmielu jitwal. Fl-għar il-kbir kulħadd beda jipprepara għar-rebbiegħa. Melħu, nanu matnazz b’par għajnejn imqabbżin ’il barra u saħħa tal-għaġeb, ukoll beda jaħseb għall-istaġun il-ġdid.
null
Paġna 1
Xogħlu propja kien ta’ sajjied, imma peress li fix-xitwa ma tantx kien jista’ jistad, f’dak il-baħar irid jibla’ l-art, kellu wkoll is-sengħa ta’ mastrudaxxa. Kien jagħmel għamara sabiħa u b’saħħitha li kienet isservi għomor. Kienu ħafna dawk in-nani li kienu jaħdmu xi għamara għand Melħu. Kulħadd kien ifaħħar l-għamara tiegħu u ġieli kien jibqa’ jaħdem sa tard filgħaxija sabiex ilaħħaq ilesti l-ordnijiet li kien ikollu fil-ħin.
null
Paġna 2
F’din il-għodwa kien wasal biex itemm l-aħħar biċċa xogħol qabel jibda jdur dawra man-nases u x-xbieki tal-ħut biex jara għandhomx bżonn tiswija, jew iridx jordna l-ġodda. Kien qed jaħdem fuq għamara tas-sodda ta’ koppja nani li kienu se jiżżewġu fir-rebbiegħa.
null
Paġna 3
Kellu l-gwardarobba lesta u kien għaddej jisserra bis-serrieq biċċa tavla biex ilesti s-sodda. Ried iħaffef għax iż-żmien itir u ma jistenna ’l ħadd. Lesta s-sodda u beda jaħseb kif se jivvinta mitraħ speċjali għax ried jagħtihulhom rigal. Ma ridux tat-tiben u lanqas tas-suf. Kif jagħmel? U iva, b’daqsxejn seħer jagħmlilhom wieħed li ħadd ma kellu bħalu!
null
Paġna 4
Telaq b’ġirja fejn kienu jżommu t-tiġieġ. Kif fetaħ il-bieb, is-serduk tar ifferoċjat għal fuqu! Melħu pprova jimbuttah ’l hemm imma s-serduk iggranfa miegħu u, bejn jagħtih bi ġwenħajh u bejn b’munqaru, il-povru Melħu għall-ewwel ma setax isib tarfu.
null
Paġna 5
Imma Melħu kellu ħafna iżjed saħħa mis-serduk u wara battikata jissara miegħu qabdu minn ġwenħajh u għalqu f’gaġġa mdaqqsa, sakemm jagħmel li kellu jagħmel. Mar inkiss inkiss wara tiġieġa bajda, qabadha u qalgħalha ftit rix fin minn taħt żaqqha. Reġa’ telaqha u mar fetaħ il-kaxxa tas-serduk ħalli jkun jista’ joħroġ.
null
Paġna 6
Telaq jiġri lura fejn kien qiegħed jaħdem, poġġa r-rix fuq il-bank, beda jdur u jiżfen u jgħanni:
Rix abjad u fin,
imla l-kamra dal-ħin.
Abjad bħall-borra,
artab bħat-tajjar,
għal mitraħ mill-aħjar.
null
Paġna 7
Ir-rix beda jtir ’l hemm u ’l hawn u f’daqqa waħda mis-saqaf bdiet nieżla xita ta’ rix abjad sabiħ, nieżel bil-mod il-mod sakemm bdiet tiksi kullimkien. L-għar kien qisu grotta miksija bil-borra u tant kien hemm rix li Melħu bilkemm baqa’ jidher!
null
Paġna 8
Bħalma beda nieżel f’daqqa, hekk waqaf zoptu. Melħu farfar ir-rix li kellu fuqu u beda jgeddsu f’ġenb. Tant kien fin li kellu biċċa xogħol biex ġabru. Mela l-mitraħ bih u beda jġorr l-għamara għal għand l-għarajjes. Tgħidx kemm bdew jifirħu jaraw id-dar il-ġdida timtela.
null
Paġna 9
Melħu qal lill-għarusa biex tipprova s-sodda. Billi kienet ippreparata għal saqqu iebes ġebla ħadet qatgħa xħin il-mitraħ baqa’ nieżel biha. Dak mitraħ artab u komdu! Ma tixbax toqgħod fuqu!
null
Paġna 10
Ħarġet tiġri tgħid lil kulħadd u kulħadd ried jipprova dak l-imbierek mitraħ! Bdew jistaqsu lil Melħu biex imlieh imma hu baqa’ fommu sieket. Ma riedx jgħidilhom bis-sigriet tiegħu ħalli ħadd ma jagħmel bħalu!
null
Paġna 11
Tmiem