(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ir-Raħal tan-Nani 16: Bomblu u l-Pastizzi

L-hena ta’ Bomblu kienet li jiekol. Kollox kien iħobb u ma kienx jiekol ftit! Dejjem għaddej jara xi jsib ħalli jimla żaqqu. U kellu x’jimla, għax kellu żaqq daqsiex! Qisu kien jitfa’ l-ikel f’bir bla qiegħ. Għalxejn ommu kienet tgħidlu li jekk se jibqa’ sejjer hekk se jispiċċa ħażin għax jeħxien ħafna u mank ikun jiflaħ jimxi!
null
Paġna 1
Ommu Żinġla kienet magħrufa għall-ikel tajjeb li kienet tagħmel u hi wkoll kellha ftit xaħam żejjed mhux ħażin! Kull nhar ta’ Sibt kellha drawwa tagħmel il-pastizzi jew bil-piżelli jew bil-ġbejniet friski. Dawn kienu l-favoriti ta’ kulħadd. Kienet tagħmel ftit żejda biex jekk jgħaddi xi ħadd għandha dakinhar kienet toffrilu ftit te jew kafè u pastizz.
null
Paġna 2
F’din il-għodwa tas-Sibt qamet kmieni bħas-soltu biex tipprepara l-pastizzi għax kien fihom biċċa xogħol biex tagħmilhom. Kienet tipprepara l-għaġina l-Ġimgħa filgħaxija biex tilħaq toqgħod u filgħodu tlesti l-mili, tagħmilhom u ssajjarhom. Bdiet tagħmel il-mili. Għaffġet il-ġbejniet friski, tefgħatilhom ġbejniet maħkukin u bajd imħabbat, ftit bżar, melħ u tursin imqatta’.
null
Paġna 3
Għal tal-piżelli, għalliet piżelli friska li kienet qaxxritha l-lejl ta’ qabel u xħin lestiet għaffġitha ma’ ftit inċova, bżar u melħ, u ftit tursin. Imbagħad qabdet biċċa għaġina, għamlitha romblu u qattgħetha biċċiet żgħar. Fetħithom bil-lembuba u poġġiet ftit mili fuq kull waħda. Għalqithom forma ta’ pastizz u qegħdithom ħdejn xulxin fuq tilar. Malli timla tilar bdiet iddaħħlu fil-forn ħalli sakemm timla ieħor jilħaq isir. Trid tara dawk il-pastizzi jiħmaru u dik ir-riħa li bdiet ħierġa!
null
Paġna 4
F’dik l-għodwa, malli xamm ir-riħa tal-pastizzi, Bomblu qam jiġri, libes u mar fil-kċina biex jara jekk sarux ħalli jieħu xi tlieta minnhom ma’ belgħa kafè. Ommu lestietlu tnejn fuq platt. Ma damux hemm għax malajr belagħhom u beda jeqirdilha li ma xebax biex tagħtih imqar ieħor. U kellha tagħtih ieħor għax ma felħitux jeqred. Wara li kiel telaq ’il barra ħa jmur jgħin ftit lil missieru Fuħħaru.
null
Paġna 5
Kien qed jagħmel xi platti tal-fuħħar u Bomblu qagħad jgħinu jiżbogħhom biex wara jerġa’ jdaħħalhom fil-forn ħalli ż-żebgħa ma tinqalax meta taħsilhom. Wara li għamel sagħtejn reġa’ beda joħlom bil-pastizzi. Imma jekk imur issa ommu ma tħallihx jieħu għax kien qed joqrob nofsinhar, imbagħad jieklu flimkien.
null
Paġna 6
Fl-aħħar ħaseb biex imur jittawwal id-dar u jekk ommu ma tkunx hemm forsi jisraq xi wieħed jew tnejn bla ma tinduna! Telaq u meta wasal ittawwal fil-kċina. B’xorti tajba ma kien hemm ħadd. Daħal inkiss inkiss, mar ħdejn il-forn u ra tilar pastizzi għas-sħana. X’riħa tfuħ! Taqsamlek qalbek!
null
Paġna 7
Ħataf tnejn u kien se jagħlaq il-bieba tal-forn meta sema’ ’l ommu titkellem f’kamra qrib. Telaq jiġri ’l barra ħalli ma taqbdux bil-pastizzi f’idu u lanqas il-bieb ta’ barra ma għalaq bil-fixkla.
null
Paġna 8
Quddiem id-dar tagħhom kien hemm l-Iswed, qattus iswed faħma, għassa jxomm ir-riħa tal-pastizzi u lest biex jara kif ħa jisraq xi tnejn. Malli ra l-bieb miftuħ daħal jiġri sparat u baqa’ dieħel fil-kċina. B’dawk għajnejh ileqqu beda jgħarrex biex jara fejn qegħdin u nduna li r-riħa ġejja minn bieba miftuħa. Qabeż għal ħdejn il-forn u fetaħ il-bieba beraħ b’siequ ta’ quddiem. U xi ġmiel ta’ pastizzi ħomor ħomor! Beda jiġbed wieħed, jieklu fuq il-mejda u kif jispiċċa jġib ieħor.
null
Paġna 9
Laħaq kiel xi tlieta meta tidħol Żinġla u tara l-qattus fuq il-mejda, għaddej jagħmel festa mill-pastizzi u l-bieba tal-forn miftuħa beraħ. Bdiet tgħajjat u twerżaq qisha miġnuna u qabdet il-lembuba u bdiet tiġri wara l-qattus ħa tgerrxu u ma jerġax joħlom li jiġi lura!
null
Paġna 10
Bomblu kien reġa’ wasal id-dar wara li mar kiel il-pastizzi fil-kwiet u mistoħbi biex ma jarah ħadd. Kif Bomblu reġa’ lura quddiem il-bieb, xi ħaġa sewda laqtitu ġol-istonku tiegħu u qalbitu żaqqu ’l fuq! Ommu ħarġet twerżaq u xxejjer il-lembuba u għal daqsxejn ma tfixklitx fih u waqgħet fuqu. L-Iswed sparixxa u Żinġla qajmet lil Bomblu mill-art. “Int kont li ftaħt il-bieba tal-forn u ħallejtha miftuħa u anke l-bieb ta’ barra, għalhekk daħal il-qattus, ja tifel żaqqieq! Messek tistħi! Issa sehmek kiltu u l-qattus kiel sehmek ta’ filgħaxija!” Bomblu kellu joqgħod bil-ġuħ sal-għada filgħodu u ħadha t-tagħlima għax ma reġax seraq pastizzi iżjed!
null
Paġna 11
Tmiem