(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ir-Raħal tan-Nani 15: Bomblu u t-Tafal

Fuħħaru kien ilu jistenna ġimgħa biex forsi t-temp jibbnazza u jmur jiġbor it-tafal ħalli jkollu biex jagħmel l-affarijiet tal-fuħħar. It-tafal kien kważi spiċċalu kollu u kellu seba’ mitt sena ħalli malli jkun galbu jmur. Kien jaf b’post tajjeb fejn isib ħafna tafal.
null
Paġna 1
’Il ġewwa mix-xtajta kien hemm sies għoli tat-tafal. Meta kienet tagħmel ħafna xita biċċiet kbar mis-sies kienu jaqgħu għal isfel u Fuħħaru ma kienx ikollu bżonn joqgħod jixxabbat jew iħaffer, għax it-tafal kien ikun fejn jilħqu.
null
Paġna 2
Dik il-lejla kien għamel ġmiel ta’ sema aħmar hi u nieżla x-xemx u Fuħħaru kien jaf li ‘l-ħmura ta’ filgħaxija lesti ż-żwiemel għat-tiġrija’, jiġifieri li l-għada se jagħmel il-bnazzi. Allura l-aħjar li l-għada filgħodu jaħseb kmieni biex imur jiġbor it-tafal ħalli ma’ nofsinhar ilesti.
null
Paġna 3
Bomblu kien sema’ lil missieru jgħid li sejjer jiġbor it-tafal u fettillu li ried imur miegħu. Bakkar, qam u mar sab lil missieru jipprepara biex jitlaq u beda jeqridlu biex imur miegħu. Għall-ewwel missieru beda jgħidlu li kien perikoluż li ma jmurx jaqa’ xi biċċa sies fuqhom, imma tant beda jeqridlu li sa fl-aħħar qallu jmur jilbes żarbun tajjeb ħalli jmorru, għax kien diġà beda jbexbex.
null
Paġna 4
Kienet tidher ġejja ġurnata mill-isbaħ! Huma u neżlin mill-passaġġ wieqaf lejn ix-xtajta, ix-xemx kienet għadha lanqas feġġet fuq ix-xefaq. Wara ftit is-sema beda jbiddel il-kuluri aktar ma bdiet tiegħla x-xemx. Minn griż skur għal griż ċar, vjola, roża, oranġjo, isfar u meta telgħet ix-xemx bdiet tibjad, tant li ma kontx tista’ tħares lejha iżjed u s-sema sar ikħal nir! Xi sbuħija ta’ żerniq! X’seħer ta’ lwien!
Sakemm waslu x-xtajta x-xemx kienet diġà bdiet taħraq. Baqgħu deħlin iżjed ’il ġewwa jimxu bejn il-blat kbir u żgħir li kien mimli bih il-passaġġ. Se jaqgħu u ma jaqgħux waslu taħt sies għoli tat-tafal. Fuħħaru beda jfittex mnejn se jsib l-aħjar biċċiet tafal biex jaqtagħhom u jeħodhom miegħu. Bomblu mar joqgħod bilqiegħda għax kien diġà għeja! Sab blata għad-dell għax tgħidx kemm kienet taħraq ix-xemx.
null
Paġna 5
Wara li straħ għal xi tliet kwarti beda jiddejjaq jiċċassa. Qam u beda jdur ’l hemm u ’l hawn qalb il-blat, kultant jitfa’ xi ċagħqa l-baħar. Prova jilgħab ħobża u sardina billi jitfa’ ċagħqa ċatta b’tali mod li taqbeż xi tliet darbiet fil-wiċċ tal-ilma. Għall-ewwel bdiet tegħreq mill-ewwel imma wara ftit irnexxielu jqabbiżha xi tliet darbiet. Wara ftit iddejjaq jilgħab u beda dieħel iżjed ’il ġewwa mas-sies.
null
Paġna 6
Missieru kien aljenat jaqta’ t-tafal u lanqas induna li ma kienx għadu ħdejh! F’daqqa waħda jisma’ lil xi ħadd jgħajjat fil-bogħod. Ħares madwaru ħa jara fejn kien Bomblu imma dan kien għeb! Ma seta’ jarah imkien. Beża’ li kien waqa’ l-baħar. Mar jiġri jara mnejn kien jidher li ġej l-għajjat imma fil-baħar ma kien jidher xejn. Il-baħar kien żejt, lanqas ċafċifa ma kien hemm. Beda jissemma’ u deherlu li kien qed jisma’ lil xi ħadd jgħajjat, “Missier, missier, ejja għinni!” Mela ibnu kien qed jgħajjat! Imma fejn kien?
null
Paġna 7
Beda jimxi lejn fejn kien ġej l-għajjat. U wara li mexa ftit beda jgħajjat u jgħid lil ibnu li kien ġej jgħinu. Bomblu jgħajjat minn naħa u Fuħħaru jwieġbu mill-oħra sa fl-aħħar wasal ħdejh… U tafu x’sab? Kulma kien jidher minn Bomblu kien minn żaqqu ’l fuq! Saqajh kienu niżlu bih fit-tafal artab li bix-xita li kienet għamlet kien maħlul u malli rifes fuqu baqa’ nieżel bih!
null
Paġna 8
Malli Bomblu ra lil missieru, beda jibki għax kien imwerwer li ma kien ħa jsibu ħadd u jibqa’ mwaħħal hemm. Missieru resaq fuq blata fil-qrib, qabdu minn taħt spallejh u beda jiġbed. Imma ma kienx daqshekk faċli li jinqala’. Imma b’missieru jiġbed u Bomblu jgħin ruħu beda tiela’ bil-mod il-mod. Sa fl-aħħar missieru għamel sforz qawwi u ġibdu f’dirgħajh. Bomblu ggranfa miegħu jibki kemm jiflaħ. Missieru għannqu miegħu avolja mlieh kollu tajn!
null
Paġna 9
Xħin waqaf jibki Bomblu talbu jaħfirlu talli qabad u telaq mingħajr ma qallu fejn kien sejjer. Missieru kien jaf li ħadha t-tagħlima u qallu biex imorru ’l hemm ħalli jinġabru d-dar, imma malli mar biex jimxi jinduna li ż-żarbun ma kienx f’saqajh imma ħallieh imwaħħal ġot-tajn u kien impossibbli li jsibu. Kellu jimxi ħafi t-triq kollha sad-dar!
null
Paġna 10
Tmiem