(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ir-Raħal tan-Nani 14: Bomblu, Bajtru u d-Dris

Kien wasal żmien il-ħsad. In-nani kienu jiżirgħu l-qamħ, is-silla u l-ħafur fir-raba’ bagħli, għax dawn ma ridux ħafna ilma biex jikbru. U allaħares ma kienx dan il-għalf għax kieku fix-xitwa ma kienx ikollhom ikel biżżejjed għall-annimali tagħhom.
Meta s-sajf ikun wasal fl-aħħar, dawn ikunu nixfu u n-nani kienu jaħsduhom bil-minġel, qisu sikkina nofs tond, jagħmluhom qatta qatta, imbagħad jiġbruhom f’munzell, jiġifieri jagħmluhom gozz fuq xulxin qisu torri, u jħalluhom ikomplu jinxfu.
null
Paġna 1
Meta toqrob ix-xita, jeħduhom fl-għerien ħalli ma jixxarrbux u matul ix-xitwa jagħtu minnhom ftit ftit lill-annimali ma’ għalf ieħor bħall-qamħirrun, ix-xgħir u żrieragħ oħra.
null
Paġna 2
Però, il-qamħ kien irid aktar xogħol. Wara li jinxef, kienu jridu jifirdu l-qamħa mit-tiben. It-tiben kien għalf għall-annimali kif ukoll kienu jużawh bħala friex biex jorqdu fuqu u ma jħossux bard. Il-qamħ, minbarra li kien għalf għall-annimali, kien ukoll ikel għan-nani għax miż-żerriegħa tal-qamħ kienu jagħmlu d-dqiq, li minnu jagħmlu l-ħobż, ftajjar, kejkijiet u affarijiet oħra.
null
Paġna 3
Biex jifirdu l-qamħa mit-tiben kienu jridu jidirsuh. Kienu jagħmlu dawra kbira ġol-għalqa jgħidulha qiegħa, jifirxu l-qatet tal-qamħ mal-art u jdawru l-ħmar fuqu ħalli l-qamħa tinqala’ minn mat-tiben.
null
Paġna 4
Imbagħad, meta jkun ir-riħ kienu jaqbdu l-midra, qisha furketta kbira, u joqogħdu jgħollu t-tiben biha ħalli bir-riħ itir ’il barra mill-qiegħa u jibqa’ biss iż-żerriegħa tal-qamħ. Din kienet tinġabar u wara jitħnuha jew ifarrkuha biex issir dqiq, li minnu mbagħad jagħmlu l-ħobż u ħafna affarijiet oħra.
null
Paġna 5
F’jum id-dris kulħadd kien jagħti daqqa t’id, mill-ixjeħ nanu sal-iżgħar wieħed, għax ġurnata mirjieħa fis-sajf ma kinitx tkun ta’ kuljum. Imma meta jqum ir-riħ, ix-xogħol kien isir ta’ malajr. Sewwa jgħidu li riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa! Min inewwel il-qatet mill-munzell. Min iġorrhom sal-qiegħa. Iż-żgħar iħottu l-qatet u jeħduh ftit ftit biex il-ħmar jidirsu. Min jiġbor it-tiben ġol-ixkejjer. Min jeħodhom fil-għar. Min jimla l-qamħ u jġorru. U min jipprepara l-ikel u x-xorb u t-tfal iġorruh u jagħtuh lill-ħaddiema fl-għalqa. Kien xogħol iebes u kont tara ħafna grif fl-idejn, saqajn u anke l-wiċċ tal-ħaddiema għax il-qatet li kienu jkunu fix-xemx ikunu saru mbaskta, qishom injam, u jigirfu tgħidx kemm!
null
Paġna 6
Bomblu u Bajtru wkoll kellhom imiddu jdejhom għax-xogħol, għalkemm Bajtru b’ħafna garr u qrid. Għamlu ġurnata għaddejjin iħollu l-qatet, jgħinu jniżżluhom mill-munzell u jġorru l-ilma u l-ikel. Kienu jidhru li ħadmu mhux ħażin għax kienu mimlijin trab minn rashom sa saqajhom, kollhom grif, għaraq nieżel ma’ wiċċhom u ħlief għajnejhom ma kinux jidhru. Tgħidx kemm bdew igergru għax kienu se jaqgħu żorba bl-għeja!
null
Paġna 7
Bajtru qal lil Bomblu, “Issa żżejjed, daqshekk se naħdem għax ma niflaħx iżjed!”
Bomblu qabel miegħu u, wara li ħasbu ftit kif se jiskartaw u joqogħdu jistrieħu, iddeċidew li jidħlu jistaħbew ġo munzell li ma kienx se jinħatt dakinhar. Qalgħu tliet qatet u għamlu qisu għar żgħir u daħlu ġo fih. It-tiben ma kienx sħun wisq, għax kien fid-dell u x-xemx kienet qed tbatti. Wara ftit, bl-għeja li kellhom, marret għajnhom bihom u raqdu raqda fil-fond.
null
Paġna 8
Meta wasal il-ħin biex kulħadd jinġabar id-dar, omm Bomblu u omm Bajtru bdew ifittxuhom, imma ma setgħu jarawhom imkien! Staqsi minn hawn u fittex minn hemm, ħadd ma kien jaf fejn qegħdin. Kienu għosfru! Kulħadd beda jinkwieta li kien ġralhom xi ħaġa, u beda l-għajjat u t-tfittxija mal-għalqa kollha. Xi ħadd mar jara jekk kinux marru d-dar għal li jista’ jkun, imma lanqas hemm ma dehru! Dawn fejn sparixxew? Kif ma jidhru mkien?
null
Paġna 9
Xi ħadd ra kelb qed ixammem ħdejn munzell minnhom u ħaseb li kien hemm xi far kbir u mar jara. U xi jsib? Sab ħofra ġol-munzell u lil Bomblu u ’l Bajtru reqdin raqda żul minn hemm. Kulħadd mar jiġri ħalli jarahom u l-kelb beda jinbaħ kemm jiflaħ.
null
Paġna 10
L-inbiħ tal-kelb qajjem lil Bajtru u ’l Bomblu, li qamu maħsudin ma jafux fejn qegħdin u b’ħafna nani jħarsu lejhom. Tgħidx kemm bdew jistħu! Riedu l-art tiblagħhom għax inqabdu jiskartaw u qalgħu għajta mingħand ommijiethom għall-qatgħa li tawhom xħin ma sabuhom imkien.
null
Paġna 11
Tmiem