Kienet għodwa bħas-soltu ħdejn il-kumpless tal-ħwienet li kienu jinsabu fil-qalba tal-belt bid-dwal dejjem jixegħlu. Hawnhekk in-nies donnhom ma kienu jegħjew qatt jixtru. Jixtru filgħodu, jixtru waranofsinhar, jixtru filgħaxija. Kulħadd l-aqwa li jixtri u jġorr lejn daru u biż-żmien ftit li xejn kienu jagħtu kas jekk kienx filgħodu jew kienx dalam.
Fil-bidu n-nies ta’ din il-belt kienu jħobbu jiltaqgħu mal-ġirien fl-istess post, jieqfu jgħidu kelma u jsellmu ’l xulxin. Biż-żmien bdew jiftħu l-ħwienet ta’ kull xorta b’armaturi jgħammxu l-għajnejn. U n-nies bdew jitħajru u jħajru lil xulxin jixtru. Tant żdied in-negozju li kellhom fejn jinfirxu u ftit ftit lanqas baqgħu jiltaqgħu jew jekk jiltaqgħu ma kinux jindunaw b’xulxin. Kien hemm min ridt tħallsu biex ikellmek. L-aqwa li jkunu għamlu xi akkwist jew iffrankaw minn fuq prodott waqt xi xirja. U kienu lesti li jħallsu anke għal ftit ħin, li kieku l-ħin kien jinxtara.



