(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Praspar ta' Sika 5: Sika u l-Karnival

L-iktar festa li kienet għal qalb Sika u t-tfal kollha tar-raħal kienet il-festa tal-karnival. F’dawk it-tlett ijiem kienu jagħmlu xalata. U tgħidx kemm kienu jieħdu gost!
Minbarra x-xalata, kulħadd kien ikun ħerqan għad-daqq u ż-żfin fil-pjazza tar-raħal. Xi rġiel kienu jilbsu ta’ nisa u oħrajn xi kostum ieħor filwaqt li xi nisa kienu jilbsu ta’ xjuħ… l-aqwa li ma jintgħarfux.
null
Paġna 1
Kienet il-ġimgħa tal-karnival u Sika u oħtha kienu waslu mill-iskola u lestew ix-xogħol li kienet tathom l-għalliema. Ommhom, li kienet qed tipprepara l-ikla ta’ filgħaxija, indunat li kien jonqosha xi affarijiet. “Sika, ejja ħalli tmur taqdini. Mur sal-pjazza u ixtrili dawn l-affarijiet li jonqosni.”
Sika ma kellhiex aptit toħroġ u qalet lil ommha, “Għid lil oħti, dik m’għandhiex x’tagħmel.”
“Min imur ikun jista’ jixtri ftit ħelu bil-flus li jibqagħlu,” kompliet l-omm.
“Ħa mmur mela, għax lestejt,” qabżet Sika.
“Ħa mmur jien! Jien lesta wkoll,” qabżet oħtha fil-pront.
“Eeee! Mela għall-ħelu tridu tmorru! Mela morru flimkien.”
null
Paġna 2
Sika u oħtha telqu lejn il-pjazza jillatikaw x’ħelu se jixtru. Kif waslu l-pjazza, oħt Sika rat bejjiegħ li kellu ħafna maskri mdendlin barra.
“Ħares, Sika, ara kemm għandu maskri sbieħ! Imxi ħalli mmorru narawhom!”
null
Paġna 3
Resqu viċin il-bejjiegħ u tassew kellu maskri sbieħ li qatt ma kienu raw bħalhom.
“Ara dawn, tal-annimali! Din tat-tigra vera togħġobni! U anke din tal-iljun kemm hi sabiħa!” qalet Sika.
“Jien tal-iljun togħġobni iżjed!” qalet oħtha.
null
Paġna 4
“Ħares, tridx nixtru maskra minflok il-ħelu?” staqsietha Sika.
“X’inhu? Jaqaw xi praspura oħra minn tiegħek?”
“Ara, imxi nixtru l-affarijiet għal ommna u mbagħad naraw kemm jibqgħalna flus. Ara daqsxejn kemm jiswew il-maskri ħalli jekk ma jkollniex biżżejjed għalihom, nixtruhom ħelu.”
null
Paġna 5
Oħt Sika rat il-prezzijiet u marru jaqdu lil ommhom. Wara li ħallsu, raw li kien baqgħalhom biżżejjed biex jixtru żewġ maskri.
null
Paġna 6
“Issa mhux aħjar nixtruhom ħelu!” qalet oħt Sika.
“U ħelu mhux is-sena kollha nixtru! Illum il-karnival. Ejja nagħmlu ċajta lil ħuna ż-żgħir,” wieġbet Sika.
“Nispiċċaw naqilgħu xi għajta mingħand ommna bħas-soltu!”
Marru għand tal-maskri u Sika xtrat il-maskra tat-tigra u oħtha xtrat tal-iljun.
“Issa ejja ħalli nilbsuhom ħalli ma jagħrfuniex!” qalet Sika. Hekk għamlu u trid tarahom sejrin lejn id-dar jiddandnu bil-maskri.
null
Paġna 7
Kif waslu, Sika bexxqet il-bieb u rat lil ħuha ż-żgħir faċċata jilgħab waħdu. Ħuha sema’ ħoss u ħares lejn il-bieb ħalli jara x’inhu. Kif ra dawk iż-żewġ uċuħ ta’ annimali jittawlu mill-bieb beda jirtogħod bil-biża’, infaqa’ jibki u mar iggranfa ma’ ommu. Beda juriha l-bieb b’sebgħu għax lanqas felaħ jitkellem bil-qatgħa!
null
Paġna 8
L-omm ħarset lejn il-bieb u ma setgħetx temmen lil għajnejha! F’daqqa waħda semgħet lil Sika u lil oħtha jidħku kemm jifilħu. Telqet tiġri u neħħitilhom il-maskri minn wiċċhom.
null
Paġna 9
“Ara x’qatgħa tajtuh lil ħukom! Miskin, lanqas jiflaħ jitkellem! Imisskom tistħu!” qalet l-omm irrabjata.
“Aħna biex nagħmlu ċajta. Illum il-karnival!” qalet Sika.
“Għedtlek jien li se ġġibni fl-inkwiet! Ma tkunx darb’oħra li nisma’ minnek!” kompliet oħt Sika ddispjaċuta.
null
Paġna 10
Sika ddispjaċieha li tat qatgħa hekk kbira lil ħuha. Riedet biss li tagħmel ċajta għall-karnival!
null
Paġna 11
Tmiem