(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Praspar ta' Sika 2: Il-Ħolma ta' Sika

Kien Awwissu u kienet qed tkun ħafna sħana. Kien qiegħed jagħmel sajf qalil u ħadd ma kien jista’ jorqod bis-sħana. Il-bibien u t-twieqi kienu kollha miftuħin u lanqas kien għaddej nifs.
null
Paġna 1
Billejl is-sħana minflok tonqos kienet tiżdied. Sika u oħtha kienu qabdu s-saqqijiet u tefgħuhom fl-art fis-salott.
Kienet l-ikbar kamra fid-dar u, peress li kellha żewġ bibien faċċata ta’ xulxin, kienet tgħaddi daqsxejn ta’ żiffa kultant.
null
Paġna 2
Xi jumejn qabel, l-ajru kien beda jissaħħab. “L-għerejjex ta’ Santa Marija,” qaltilha n-nanna. “Meta tgħaddi Santa Marija, stenna x-xita.”
“Se tagħmel ix-xita għadu Awwissu? Daqskemm hi sħana, nann!” qaltilha Sika.
“Eh, mhux l-ewwel darba li għamlet ix-xita, u meta tagħmel daż-żmien, tgħerreq kullimkien!” weġbitha n-nanna.
null
Paġna 3
Dak il-lejl Sika u oħtha raqdu bħas-soltu fuq is-saqqijiet fl-art bil-bibien miftuħin beraħ. Għal xi s-sagħtejn ta’ filgħodu, Sika kienet rieqda raqda fil-fond u bdiet toħlom li qiegħda fuq dgħajsa fuq xmara. Kienet qed tisma’ l-ilma jċafċaf madwarha.
F’ħin minnhom tara l-ilma dieħel fid-dgħajsa u bdiet tibża’ li se tegħreq. Bil-biża’ bdiet twerżaq kemm tiflaħ u tgħajjat għall-ajjut!
“Salvawni! Salvawni!”
null
Paġna 4
F’daqqa waħda tħoss xi ħadd iċaqlaqha u jgħidilha, “Sika, Sika, xi ġralek? Għalfejn qed twerżaq?”
Sika fetħet għajnejha u bdiet tħares ’l hemm u ’l hawn imwerwra, imma ħlief dlam ma bdietx tara.
“Qed negħreq! Qed negħreq!”
null
Paġna 5
Oħtha marret tqum biex tixgħel id-dawl imma malli niżżlet saqajha mal-art ħasset l-ilma.
“X’waħda din, kemm hawn ilma! Dan l-ilma mnejn ġej?” qalet skantata.
null
Paġna 6
“Qed tara kif qed negħrqu!” kompliet twerżaq Sika.
“Iskot, ħa nixgħel id-dawl ħa nara x’ġara!”
U kif qalet hekk xegħlet id-dawl.
null
Paġna 7
Sika u oħtha ma setgħux jemmnu lil għajnejhom xħin raw dik ix-xena li kien hemm quddiemhom. Il-kamra kienet mimlija ilma. Issa s-saqqijiet kienu qed jgħumu fil-wiċċ. Xita nieżla bil-qliel u l-ilma dieħel qisu xmara mill-bieb tal-bitħa.
“Ma! Pa! Ejjew għax dieħel ħafna ilma!” bdew jgħajtu kemm jifilħu.
null
Paġna 8
Xħin semgħu dak l-għajjat u t-twerżiq, ommhom u missierhom ġew jiġru. Missierhom mill-ewwel induna x’kien il-kaġun ta’ dak l-ilma kollu. Kienet instaddet il-katusa li mill-bitħa kienet tieħu l-ilma għall-bir. L-ilma tal-bitħa sab il-bieb miftuħ u beda dieħel kollu fis-salott.
null
Paġna 9
Il-missier mar jiġri fil-bitħa u fetaħ il-katusa. L-ilma mill-ewwel beda jonqos mill-bitħa u fi ftit ħin ma baqax dieħel fil-kamra.
null
Paġna 10
Kulħadd beda jagħti daqqa t’id ħalli jiġbru dak l-ilma kollu li kien daħal. Allaħares ma kinitx il-ħolma ta’ Sika għax kieku bl-ilma li kien jidħol kienu jegħrqu tassew!
null
Paġna 11
Tmiem