(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Il-Piramidi
Il-piramidi l-aktar famużi jinsabu l-Eġittu u nbnew fi żmien il-faragħuni. Il-faragħun kien l-isem li bih kien jissejjaħ ir-re tal-Eġittu tal-Qedem.
Paġna 1
L-aktar piramida famuża hija l-Piramida l-Kbira ta’ Giża, jew kif inhi magħrufa wkoll bħala l-Piramida ta’ Khufu. Din hija l-unika waħda mis-seba’ għeġubijiet tad-dinja li għadha teżisti sal-ġurnata tal-lum.
Paġna 2
Il-Piramida ta’ Khufu hija l-akbar minn tliet piramidi kbar u oħrajn ftit iżgħar li nsibu f’Giża. Oriġinarjament, il-piramida kienet għolja madwar 147 metru, jiġifieri daqs 53 sular tal-lum, iżda llum ma taqbiżx il-139 metru. Jidher li fi żmienha, din kienet l-ogħla bini fid-dinja.
Din hija l-eqdem piramida fid-dinja u nbniet madwar is-sena 2,560 q.K, jiġifieri fi żmien Borġ in-Nadur li nsibu Birżebbuġa.
Paġna 3
Il-piramidi kienu qabar kbir u elaborat għall-faragħun innifsu. Ġisem il-faragħun kien jiġi mmummifikat qabel jindifen, jiġifieri kien jiġi ppriservat biex jibqa’ jidher qisu għadu ħaj. Fil-fatt ħafna minnhom għadhom talekwali sal-lum, aktar minn 4,000 sena wara!
Paġna 4
In-nies tal-Eġittu tal-Qedem kienu jemmnu fil-ħajja wara l-mewt, u għalhekk mal-faragħun kienu jidfnu kulma seta’ jiġi bżonn f’dik il-ħajja ta’ wara, bħall-ġojjelli, dehbijiet, u elf ħaġa oħra.
Paġna 5
Mill-istampi li pinġew mal-ħitan nistgħu nifhmu kif l-Eġizzjani ta’ dak iż-żmien kienu jimmaġinaw il-ħajja ta’ wara l-mewt bħala vjaġġ bħal kwalunkwe vjaġġ ieħor.
Paġna 6
Jeżistu wkoll piramidi f’pajjiżi oħra, mhux biss l-Eġittu, fosthom il-piramidi tal-Maja, fl-Amerka Ċentrali. Il-Gwatemala nsibu t-Tempju tal-Maskri, f’Tikal.
Paġna 7
Tikal kienet belt sħiħa li jidher li nbniet madwar is-sena 870 w.K., jiġifieri ħafna wara l-piramidi tal-Eġittu. Din il-belt ġiet skoperta fl-1848 midfuna f’foresta folta ħafna.
Paġna 8
B’differenza mill-Eġizzjani tal-Qedem, għall-Maja l-piramidi kienu qishom muntanji mibnija mill-bniedem, u fil-quċċata ta’ dawn il-piramidi kont issib tempju. Fil-fatt, il-Maja kienu jużaw il-kelma witz biex ifissru kemm muntanja u kemm piramida.
Barra minn hekk, kienu jservu wkoll bħala qabar, bħall-piramidi tal-faragħuni Eġizzjani.
Paġna 9
Piramida oħra magħrufa tal-Maja hija l-El Castillo li tinsab fil-belt l-antika ta’ Chichen Itza f’Yucatan, il-Messiku. Fuqha nsibu t-Tempju ta’ Kukulkán. Il-Kukulkán kien alla serp bir-rix li kienu jaduraw il-Maja.
Paġna 10
Karatteristika speċjali tal-piramidi tal-Maja hija t-taraġ wieqaf ħafna li taqta’ nifsek tħares lejh, u aħseb u ara titilgħu! Dan juri l-importanza li l-Maja kienu jagħtu lis-sema u l-passjoni li kellhom biex jersqu qribha.
Paġna 11
Fil-Messiku wkoll, insibu l-piramidi f’Teotihuacán, belt li sas-sena 500 w.K. kellha popolazzjoni ta’ 125,000 ruħ. Teotihuacán tfisser “il-post tal-allat” u din il-belt tinsab qrib il-Belt tal-Messiku tal-lum il-ġurnata.
Paġna 12
Il-piramida ewlenija f’din il-belt kienet il-Piramida tax-Xemx li nbniet madwar is-sena 100 w.K. u tinsab fi Vjal il-Mejtin. Hija għolja 71 metru, jiġifieri madwar 25 sular. Bħalma wieħed jistenna, il-Piramida tax-Xemx tinsab qrib piramida oħra ddedikata lill-alla Qamar.
Paġna 13
Il-piramidi mhumiex binja tas-snin l-imgħoddija biss. Pariġi, fi Franza, insibu piramida mibnija quddiem il-Mużew tal-Louvre. Din inbniet fl-1970 biex jitkabbar l-istess mużew.