(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Kwadru tal-Madonna tal-Minsija

null
Id-devozzjoni lejn il-Madonna hija mifruxa ma’ Malta kollha. Xhieda ta’ dan huma l-bosta santwarji u knejjes żgħar li nbnew matul is-snin minn benefatturi ġenerużi.
Is-Santwarju tal-Minsija jinsab f’tarf il-limiti tal-parroċċa ta’ San Ġwann, fil-post imsejjaħ Ta’ Xagħret l-Għar. Kif tidħol mill-bieb il-kbir ta’ faċċata artistika, issib erbgħin tarġa li jniżżluk f’kappella taħt l-art, b’għar fuq in-naħa tax-xellug tagħha.
Paġna 1
null
Fis-santwarju nsibu kwadru trittiku f’niċċa mħaffra fil-blat. Dan il-kwadru trittiku tal-injam huwa antik ħafna. Fil-biċċa tan-nofs hemm ix-xbieha ta’ San Leonardu. Fuq il-lemin hemm impinġija l-Madonna u fuq ix-xellug insibu x-xbieha tal-anġlu Gabrijel qed iħabbrilha li se ssir omm Alla. San Leonardu, li huwa l-patrun tal-ilsiera, jidher qed iżomm f’idejh ktieb u katina bil-manetti. X’aktarx li dan il-kwadru ġej mill-epoka tal-iskola ta' Sqallija tas-seklu erbatax.
Paġna 2
null
Dan il-kwadru hemm marbuta miegħu leġġenda. Jingħad li wieħed bidwi jismu Indrì kien qed jaħdem fl-għalqa li kellu f’dawk l-inħawi. Fiż-żmien li seħħet din l-istorja ftit li xejn kien hemm bini għajr xi erba’ għorfiet fl-għelieqi. Kien jinstema’ biss il-ħoss ta’ xi daqqa ta’ mgħażqa jew xi kelb jinbaħ. Indrì kien qed iħaffer fl-għalqa tiegħu meta lemaħ merżuq dawl ħiereġ minn taħt l-art. Kollu miblugħ baqa’ jħaffer u jsegwi d-dawl sakemm wasal f’għar. F’dan l-għar Indrì daħal għalkollox f’qoxortu meta lemaħ niċċa bi xbieha tal-Madonna li kellha lampier tal-ħadid bi tliet ftejjel jixegħlu.
Paġna 3
null
Indrì mar jiġri jgħid lill-kappillan ta’ Birkirkara. Dak iż-żmien dawn l-inħawi kienu jagħmlu ma’ Birkirkara. Il-kappillan, li kien jaf kemm kien raġel twajjeb Indrì, mar fuq il-post, niżel fl-għar u ħa x-xbieha tal-Madonna għandu d-dar tiegħu.
L-għada filgħodu malli qam ix-xbieha ma kinitx hemm. Il-kappillan, għall-ewwel ħaseb li kien ħadha xi ħadd. Iżda ġieh il-ħsieb li jmur lura fl-għar. Ix-xbieha kienet mill-ġdid fin-niċċa tagħha bil-lampier jixgħel quddiemha. Il-kappillan reġa’ ħadha għandu u did-darba għalaq u sakkar il-kmamar biex żgur ħadd ma jkun jista’ jidħol ħdejha. L-għada filgħodu, reġa’ ma sabhiex f’daru. Kien hawn li beda jinkwieta tassew. Kienu qed jiġru ħwejjeġ li ma kellux setgħa fuqhom. Talab fuq li talab sa ma rabba ftit kuraġġ u reġa’ mar lejn l-għar. Kif kien basar, ix-xbieha reġgħet kienet f’postha fin-niċċa ta’ ġol-għar.
Il-kappillan qatagħha li jmur ikellem lill-isqof. L-isqof għamel l-istess u ordna li x-xbieha tittieħed għandu. Iżda l-għada filgħodu x-xbieha reġgħet instabet fl-għar fqajjar tagħha fejn għadha hemm sal-lum. Jingħad li minn hemm ġej l-isem, Tal-Minsija, għaliex il-Madonna damet snin twal moħbija fl-għar u minsija minn kulħadd.
Paġna 4
null
Intirtu bosta stejjer ta’ fejqan u grazzji maqlugħin wara talb li sar f’dan l-għar mid-devoti tal-Madonna tal-Minsija. L-għar kien post tat-talb għal bosta gabillotti li bnew is-santwarju bl-għotjiet ġenerużi tagħhom.
Paġna 5
Tmiem