Fl-aħħar snin tas-seklu l-ieħor fizzjal Ingliż, li kien stazzjonat hawn Malta, għadda minn ġrajja tassew misterjuża. F’din il-gżira ftit li xejn tista’ tostor u l-kurżitajiet malajr jinfirxu mal-erbat irjieħ. Bosta nanniet irrakkontawha lit-tfal u għaddewha lill-ġenerazzjonijiet għal ħafna snin.
Forsi kien il-mod tagħhom kif jgħaddu l-istejjer u jista’ jkun li kien hemm min kien jgħawweġ xi ftit biex iżomm l-attenzjoni tas-semmiegħa. Iżda dan il-fatt kien ġie anke rrappurtat f’The Daily Chronicle ta’ pajjiżna fil-bidu ta’ dan is-seklu. L-awtur ma kien ħadd ħlief il-fizzjal innifsu, li donnu ma sabx paċi qabel ma ra l-ġrajja miktuba iswed fuq l-abjad.
Lejla waħda, il-fizzjal Ingliż kien fi triqtu lejn Ħal Balzan. Ftit kien hawn dawl fit-toroq dak iż-żmien. Kien għall-ħabta ta’ nofsillejl. Jista’ jkun li kien għadu kemm ġej minn xi festin li kienu jħobbu jagħmlu l-fizzjali Ingliżi stazzjonati hawn Malta. Meta kien għaddej mill-inħawi tal-Blata l-Bajda lemaħ żewġ tfajliet Maltin mexjin mal-ġenb tat-triq. Fiż-żmien li seħħet din il-ġrajja, biex tfajla tkun barra billejl kien fatt straordinarju. Ma kontx tara tfajliet jiġġerrew barra, sakemm ma jkollhomx bżonn xi għajnuna. Il-fizzjal, ta’ ġentlom li kien, waqaf jistaqsihom jekk kellhomx bżonn xi ħaġa. Għall-ewwel ma kellmuhx iżda wara ftit waħda mit-tfajliet talbitu biex iwassalhom id-dar tagħhom, il-Belt.

