(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Kanarin ta' Dun Krispin

Dun Krispin, il-Kappillan ta’ Ħal Berquq, kien jgħix waħdu f’dar antika ftit ’il bogħod mill-knisja. L-uniku kumpann tiegħu kien kanarin sabiħ ta’ lewn isfar lellux. Dun Krispin kien semmieh Skipper. Kien tassew iħobbu u ma kien iħallih nieqes minn xejn. Kien xtralu gaġġa sabiħa u spazjuża u kien iżommhielu dejjem nadifa. Barra mill-iskalora u l-ilma nadif kien spiss jagħtih xi werqa ħassa jew xi feles tuffieħa, u Skipper erħilu jnaqqar u jimla l-ħawsla. Imma l-ikbar gost tal-kanarin kien meta Dun Krispin kien ikun jieħu l-kafè u jdeffislu xi biċċa krustina, qagħqa tal-ħmira jew biskuttell bejn il-fildiferru tal-gaġġa. B’loqmiet bħal dawn l-għasfur kien jagħmel dejjem l-isbaħ xalata.
null
Paġna 1
Min-naħa tiegħu Skipper kien iferraħ lil Dun Krispin bl-għana sabiħ tiegħu. L-għanja ħelwa tal-kanarin kienet l-uniku wens li l-qassis kellu f’dik id-dar kbira u vojta. Tassew li kellu r-radju u t-televixin, imma dawn il-mezzi ftit li xejn kien ikollu ħin għalihom. Terġa’, l-ilħna u l-uċuħ li kienu joffrulu ma kienx midħla tagħhom bħalma kien midħla ta’ leħen l-għasfur. Skipper kien jagħrfu u kien jikkomunika miegħu. Filgħodu malli jqum kien jilqgħu bl-għanja ħelwa tiegħu, u l-istess kien jagħmel kull meta l-qassis jidħol id-dar minn barra.
Imma darba minnhom, filgħaxija, meta Dun Krispin reġa’ lura d-dar mill-knisja, Skipper baqa’ sieket. Minn dakinhar l-għasfur ma għanniex iżjed. Naqqas ħafna mill-ikel u beda joqgħod dejjem imkebbeb fuq il-passiġġiera. Dun Krispin ma setax jifhem għaliex kien qiegħed iġib ruħu hekk. Għamel minn kollox biex ireġġa’ l-għasfur lura lejn il-mod kif kien iġib ruħu qabel, imma kien kollu ta’ xejn. Beda jaħseb li Skipper kien qiegħed jagħmel f’qalbu għax kien qed ikun ġurnata sħiħa waħdu d-dar. Għalhekk ġietu l-idea li jieħu l-għasfur il-knisja u jsiblu post fis-sagristija fejn seta’ jsib aktar kumpannija.
Is-sagristija kellha tieqa li tagħti għall-ġnien li kien hemm fuq wara tal-knisja. Minn din it-tieqa kien jidħol ħafna dawl u, għal ftit tal-ħin filgħodu, anki xi mrieżaq tax-xemx fietla. Minn din it-tieqa kienu jidhru wkoll l-għasafar tal-bejt ipespsu u jittajru minn siġra għal oħra.
Paġna 2
Il-Kappillan poġġa l-gaġġa fuq ħoġor din it-tieqa għax deherlu, bir-raġun kollu, li dak kien l-iktar post xieraq għall-kanarin tiegħu. Madankollu, minkejja li kienet għaddiet ġimgħa, l-imġiba ta’ Skipper ma nbidlitx. Anzi, il-Kappillan innota li l-għasafar tal-bejt donnhom ġralhom bħall-kanarin. Huma wkoll kienu waqgħu fil-muta u bdew joqogħdu qishom kobob fuq il-friegħi tas-siġar flok jittajru ferħanin.
null
Paġna 3
Imma l-Kappillan kellu ħwejjeġ oħra fuqiex jinkwieta u jħabbel rasu. Fil-parroċċa ċkejkna tiegħu kien hemm żewġ familji miġġildin. Il-familja Solari u l-familja Cartoni kienu saru qishom ix-Xitan u s-Salib, ma jinħamlux. L-istorja bdiet meta żewġt itfal, Sylvio Solari u Kevin Cartoni kellhom xi jgħidu l-iskola, fil-ħin tal-brejk, u mbagħad komplew jargumentaw barra meta skulaw. Iż-żewġt itfal saħnu tant għal xulxin li ġew fl-idejn. Meta ferrquhom marru t-tnejn id-dar b’tifkira tal-okkażjoni, wieħed b’xufftejh maqsumin u l-ieħor bi tbenġila fuq għajnu x-xellugija. Dan wassal biex il-ġenituri tat-tfal kisruha bejniethom u ma baqgħux jitkellmu. Mal-ġenituri tat-tfal ingħaqdu l-qraba l-oħra u l-firda kompliet tikber.
Iż-żewġ familji kellhom il-ħbieb tagħhom u dawn ukoll ixxewxu u żammew min ma’ ta’ Solari u min ma’ ta’ Cartoni. Hekk, ir-raħal ta’ Ħal Berquq inqasam f’żewġ taqsimiet rivali donnhom il-Lhud u s-Samaritani. Fl-iskola l-għalliema kellhom jifirdu t-tfal għax jekk iħalluhom imħalltin jiġġieldu qishom klieb u qtates. Għalhekk kellhom ipoġġu lil ta’ Solari fuq naħa u ta’ Cartoni fuq in-naħa l-oħra.
Il-firda xterdet ukoll fil-ħwienet, fit-toroq u mar-raħal kollu. Jiġu wiċċ imb wiċċ u ma jsellmux u ma jitkellmux. Daħħlu l-firda anki fil-knisja għax bdew joqogħdu fuq żewġ naħat differenti tal-korsija, ta’ Solari fuq naħa u ta’ Cartoni fuq l-oħra. U meta jiġu biex jagħtu l-paċi kienu jagħtuha biss lil dawk tan-naħa tagħhom. Dun Krispin xejn ma kien kuntent b’din is-sitwazzjoni. Kellem kemm-il darba lill-kapijiet taż-żewġ familji imma kien għalxejn. Irrefera wkoll għas-sitwazzjoni waqt l-omelija tal-quddiesa u ħeġġeġ għall-għaqda u l-imħabba ta’ bejnietna. Imma kien kollu għalxejn. Miksurin, miġġildin u mifrudin kienu… u hekk baqgħu.
Paġna 4
U l-kanarin ta’ Dun Krispin? Mgħaxxex kien u mgħaxxex baqa’. Xejn ma swielu l-post eċċellenti fit-tieqa tas-sagristija li tħares fuq il-ġnien! U l-għasafar tal-bejt? Dawk donnhom iddakkru minnu… għax bħalu baqgħu qishom kobob tas-suf mitluqa bla ħeġġa fuq il-friegħi! Lanqas ix-xemx fietla ta’ Marzu ma rnexxielha tqajjimhom fuq tagħhom!
null
Paġna 5
Kien is-Sibt filgħodu u fil-knisja ma kien hemm ħadd ħlief Dun Krispin u s-sagristan. Kienu t-tnejn fis-sagristija, is-sagristan jgħodd il-flus tal-ġbir u l-Kappillan jagħlef lil Skipper u jnaddaflu l-gaġġa. F’ħin minnhom fetaħ il-gaġġa biex inaddafhielu minn ġewwa u, billi l-għasfur kien jidher qisu mgħaxxex ma kienx pront jagħlaq il-bieba hekk kif ħareġ idu. U sewwasew f’dak il-waqt Skipper ta s-salt u tar barra mill-gaġġa. Dar dawra mas-sagristija u sab il-bieb għal ġol-knisja. Baqa’ sejjer jittajjar fil-korsija u poġġa fuq wieħed mill-brazzi li jdawlu l-knisja.
Dun Krispin qatt ma basar li dak l-għasfur, mgħaxxex u bla ħeġġa, kien se jagħmel ħaġa bħal dik. Talab lis-sagristan iġib sellum u jipprova jaqbad l-għasfur minn fuq il-brazz. Imma għalkemm Nardu s-sagristan għamel ħiltu kollha biex jaqta’ xewqet Dun Krispin, l-għasfur ma kkoperax. Hekk kif Nardu ressaq idu lejh, Skipper tar minn fuq il-brazz għal fuq brazz ieħor. Is-sagristan reġa’ resaq taħtu bis-sellum, imma l-kanarin reġa’ tar għal fuq brazz ieħor bl-istess mod.
Din il-manuvra rrepetiet ruħha xi darbtejn oħra u s-sagristan ħass li dak in-naqra t’għasfur kien qed jgħaddih biż-żmien. “Milli jidher dan Skipper m’għadux mgħaxxex, Sur Kappillan!” lissen b’nifsu maqtugħ.
Paġna 6
“Ħallih, Nard,” qallu Dun Krispin b’qalbu maqtugħa. “Mhux se jirnexxilek taqbdu għax mid-dehra dan Skipper ġietu xi doża ta’ enerġija ġdida. Issa npoġġilu l-gaġġa miftuħa fuq siġġu fil-filliera ta’ quddiem u nistenna li jagħrafha bħala d-dar tiegħu. Meta mbagħad jagħfsu l-ġuħ nittama li jidħol fiha biex jiekol.”
null
Paġna 7
Dik il-lejla, meta n-nies bdew jinġabru fil-knisja għall-quddiesa, lemħu l-gaġġa miftuħa fuq siġġu fit-tarf tal-ewwel filliera, in-naħa tal-passaġġ f’nofs il-korsija. In-nies li bdew jinġabru staqsew x’kienet l-affari u l-Kappillan u s-sagristan fissrulhom x’kien ġara u x’kien mistenni li jiġri. U n-nies kienu kull darba jispiċċaw idawru ħarsithom mal-knisja u jserrħuha fuq il-kanarin mistrieħ fuq wieħed mill-brazzi. Kienu lkoll jafu bil-kanarin mgħaxxex ta’ Dun Krispin fit-tieqa tas-sagristija, u l-aħbar ta’ dik il-lejla ġabitilhom tbissima ħelwa.
Il-ġemgħa kienet qiegħda bħas-soltu tinqasam fi tnejn, tal-familja Solari fuq naħa u tal-Cartoni fuq l-oħra. L-ewwel filliera ta’ kull naħa kienet, bħas-soltu wkoll, qiegħda titħalla vojta. Il-gaġġa kienet in-naħa tal-Cartoni u tifla ċkejkna, ta’ xi ħames snin, Kirsty Cartoni, qagħdet bilqiegħda fuq is-siġġu wara l-gaġġa. “Issa jekk tara l-għasfur dieħel fil-gaġġa kun pronta agħlaqlu l-bieba, Kirsty,” talabha l-Kappillan bi tbissima. Kirsty ħadet gost li l-Kappillan kien afdalha dik il-biċċa xogħol importanti f’idejha, u wegħditu li tagħmel kif qalilha.
Meta saru s-sitta neqsin ħamsa l-Kappillan daħal fis-sagristija biex iħejji ruħu għall-quddiesa. Kellu biża’ li dakinhar in-nies kienu se jkunu aktar moħħhom fl-għasfur milli fil-quddiesa. “Ma nafx x’fettilli nġib l-għasfur hawn, fis-sagristija!” qal minn taħt l-ilsien b’rabja għalih innifsu. “Imma fejn qatt ġieni f’rasi li, mgħaxxex kif kien, kellu jaħrab u jittajjar għal ġol-knisja?” qal waqt li fittex imbagħad li jikkalma.
Paġna 8
Fis-sitta preċiż, mat-tokk tal-arloġġ, il-quddiesa ħarġet. Tkanta l-innu tal-bidu u kulħadd radd is-salib mal-Kappillan. “Il-Mulej magħkom,” qal Dun Krispin. “U miegħek ukoll,” wieġeb kulħadd. U l-Kappillan kompla bl-istedina, ”Ħuti, ejjew nagħrfu ħtijietna biex nitħejjew tajjeb ħalli niċċelebraw il-misteri qaddisa.” U bħas-soltu ħalla ftit waqtiet ta’ skiet biex kulħadd jaħseb fin-nuqqasijiet tiegħu u jitlob maħfra lill-Mulej.
null
Paġna 9
Il-ħemda li segwiet kienet tant li kieku waqgħet labra kienet tinstama’. U sewwasew f’dak il-ħin sagru nstema’ ħoss li dewa mal-knisja kollha. U ma kinetx labra li waqgħet imma bastun tqil tal-injam. Kien il-bastun tal-ixjeħ raġel fil-familja Solari. In-nannu Solari kien bilqiegħda biswit Kirsty Cartoni, in-naħa l-oħra tal-korsija, għax billi xejn ma kien għadu jisma’ kien dejjem ifittex post fuq quddiem biex jista’ jsegwi aħjar. Kien ħalla l-bastun wieqaf, imserraħ ma’ dahar is-siġġu ta’ quddiemu, imbagħad laqtu bla ma ried u l-bastun iżżerżaq u stabat ċatt mal-art.
Paġna 10
Għal dak il-ħoss iċ-ċkejkna Kirsty Cartoni nħasdet u dawret wiċċha. Lemħet il-bastun tan-nannu Solari fl-art u fehmet li kien waqagħlu. Ta’ tifla innoċenti li kienet xejn ma qieset kemm niesha l-Cartoni kienu miksurin ma’ ta’ Solari. Qasmet il-korsija, ġabret il-bastun tax-xwejjaħ u tathulu f’idu. Ix-xwejjaħ iggustaha u, waqt li b’idu mriegħda mellsilha xagħarha lixx u twil, qalilha, “Grazzi, sabiħa. Grazzi ħafna.”
null
Paġna 11
Għal din l-imġiba nstema’ ħafna tgedwid u tfesfis ras ma’ ras, kemm min-naħa tas-Solari kif ukoll minn tal-Cartoni. Il-Kappillan stenna sa ma t-tifla reġgħet lura f’postha u waqa’ skiet mill-ġdid. Imbagħad kompla bil-quddiesa.
Meta wasal għall-omelija qatagħha tassew fil-qosor: “Illum l-omelija għamluhielna Kirsty Cartoni u n-nannu Solari. Huma tawna l-eżempju. Jalla nimxu fuqu.” Reġa’ nstema’ dak it-tfesfis u t-tgedwid miż-żewġ naħat, u meta siket kompla bil-quddiesa.
Kollox mexa bħas-soltu sa ma wasal għall-għotja tal-paċi:
“Il-paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom.”
“U miegħek ukoll.”
“Agħtu l-paċi lil xulxin.”
Paġna 12
U hawnhekk ġrat ħaġa mhux tas-soltu għal dik il-knisja. Bdiet Kirsty Cartoni li resqet bi tbissima lejn in-nannu Solari u offrietlu idha. Ix-xwejjaħ niżel bilqiegħda biex ikun livell tagħha, ħadilha b’idha u ħaddanha miegħu. Dan il-ġest wassal biex ta’ Solari u ta’ Cartoni ħarġu lkoll fil-korsija jieħdu b’id xulxin u jitgħannqu bejniethom bħall-akbar ħbieb!
null
Paġna 13
Il-Kappillan bid-dmugħ f’għajnejh stenna sakemm reġa’ kulħadd f’postu u waqa’ s-skiet mill-ġdid. F’dak is-skiet perfett Skipper il-kanarin tar minn fuq il-brazz, għadda xi darbtejn minn fuq ta’ Cartoni għal fuq ta’ Solari u lura, u mbagħad ittajjar għal fuq ix-xifer tal-leġiju tal-ambone. Hekk ġie qrib il-mikrofonu u, bħallikieku biex jisimgħu kulħadd għanna għanja twila li pattiet għal kemm kien ilu fommu sieket! Kienet qisha l-approvazzjoni tiegħu għall-paċi li seħħet bejn iż-żewġ naħat miġġildin.
Malli l-għanja waqfet Kirsty bdiet iċċapċaplu u dawk kollha preżenti komplew magħha. Instemgħet ukoll geġwiġija sħiħa ta’ kummenti u l-Kappillan stenna ħiemed sakemm kulħadd reġa’ siket. U f’dak il-waqt ta’ stennija l-kanarin tar minn fuq l-ambone u mar dritt fuq il-gaġġa quddiem Kirsty. Ħares fiss lejn it-tifla u beda jpespes donnu ried jgħidilha xi ħaġa. Imbagħad daħal dritt fil-gaġġa u t-tifla kienet pronta għalqitlu l-bieba. In-nannu Solari reġa’ nfexx iċapċap u l-kongregazzjoni kollha ngħaqdet miegħu.
Meta waqaf iċ-ċapċip il-Kappillan għamel sforz biex jikkontrolla d-dmugħ u qal lit-tifla, “Kirsty, issa Skipper sar tiegħek. Inti u sejra d-dar ħudu miegħek bil-gaġġa b’kollox… Jidher li sar iħobbok għax qabel ma daħal fil-gaġġa beda jkellmek… U lilek jixraq fis-sewwa kollu għax barra milli għalaqt il-bieba tal-gaġġa int ftaħt ukoll il-bieb għall-paċi.”
Paġna 14
Fi tmiem il-quddiesa Dun Krispin bagħat in-nies id-dar bl-awgurju tas-soltu, “Morru fil-paċi ta’ Kristu.” U dik il-lejla ta’ Solari u ta’ Cartoni ħarġu mill-knisja tassew fil-paċi.
U waqt li mxew kuntenti lejn id-dar setgħu jiggustaw l-għasafar tal-bejt jittajru minn siġra għal oħra, ipespsu u jċejqu sa ma jsibu l-post ta’ rdoss fejn jgħaddu l-lejl fis-sliem.
null
Paġna 15
Tmiem