(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Ħolma

Rajtu, rajtu, iva, mamà,
Rajtu jien lil Santa Klaws
Nieżel mgħobbi miċ-ċumnija
Ġab rigal għalik u għalija.
Kien il-lejl ta’ qabel il-Milied, u fid-dar tal-familja Copperstone ma kien hemm l-ebda moviment. Xejn u ħadd ma kien qed jiċċaqlaq. Kollox kwiet. Kollox sieket. Lanqas l-iċken nemla. Silenzju perfett.
Fis-salott, is-siġra tal-Milied imżejna kienet wieqfa qrib it-tieqa. Is-settijiet tal-bozoz żgħar ikkuluriti kienu donnhom miftehmin, biex meta sett jasal biex jintefa, is-sett l-ieħor ikun pront u jixgħel. B’hekk is-siġra qatt ma kienet fid-dlam għalkollox.
null
Paġna 1
null
Mal-fuklar tal-ġebel, bil-ħoġor imżejjen, il-kalzetti kienu mdendla bil-lest. Ippustjati ħdejn xulxin bl-akbar galbu; xogħol il-mamà. Il-papà, mill-banda l-oħra, kien ħa ħsieb li jnaddaf iċ-ċumnija sew. Kienu ilhom erba’ ġimgħat iħejju għall-festa kbira tal-Milied, u t-tfal tal-koppja kienu qed jittamaw li Santa Klaws imur iżurhom, jinżel miċ-ċumnija u jħallilhom ir-rigali li jixtiequ taħt is-siġra tteptep.
Il-mamà u l-papà għandhom ħamest itfal: Johnny, it-tifel il-kbir ta’ 12-il sena; Henry, ta’ warajh, li wasal biex jagħlaq 10 snin; Twanny li għandu seba’ snin magħluqa; William, li se jagħlaq ħames snin; u ċ-ċkejkna Carol ta’ tliet snin.
Tul ix-xahar kollu ta’ Diċembru, minn meta bdew iżejnu d-dar, jgħinu lill-mamà fil-kċina ssajjar il-kejkijiet u lill-papà fid-dekorazzjonijiet, it-tfal stennew bil-ħerqa li jum jew ieħor jinzertaw lil Santa Klaws. L-akbar xewqa tagħhom kienet li lil Santa Klaws jarawh tad-demm u l-laħam. Kollha hekk xtaqu, iżda l-aktar fosthom, Johnny. Kemm xtaq li jmelles iċ-ċriev u jitmagħhom xi karrotta jew xi ħaġa ħelwa!
Paġna 2
Kemm il-mamà kif ukoll il-papà ta’ spiss kienu jgħidulhom li Santa Klaws kien jiġi biss jekk it-tfal ikunu obdew matul is-sena kollha. Fuq kollox dan kien jiġi lejlet il-Milied, waqt li t-tfal ikunu lkoll reqdin fis-sodda tagħhom.
Waqt li kienu jkunu qed jilagħbu, jew jgħinu lill-mamà fil-kċina, jew lill-papà fis-salott, l-aħwa ta’ spiss kienu jitkellmu bejniethom. Jistaqsu lil xulxin liema ġugarell xtaqu li jġibilhom Santa Klaws. Kienu joħolmu dwar kull ġugarell li setgħu jimmaġinaw. Johnny kien jittama li jġiblu ferrovija, Henry dejjem ried karozza, Twanny xtaq trakk, William ried ajruplan, u meta kienu jistaqsu lil Carol, pupa biss kienet taf tgħid.
null
Paġna 3
Lejlet il-Milied kellhom ġurnata mimlija attività. Marru jixtru l-affarijiet li kien jonqoshom għall-ikla l-kbira tal-għada, imbagħad qagħdu jgħinu lill-mamà fil-kċina. Meta wasal il-papà, Johnny, Henry u Twanny qagħdu jgħinuh jonfoħ il-bżieżaq, filwaqt li William u Carol baqgħu jilagħbu fuq it-tapit. Meta dalam, il-papà tefa kullimkien u ħalla biss il-bozoz ikkuluriti tas-siġra. Kemm deher sabiħ id-dawl tal-bozoz mixgħul!
It-tfal kielu, lagħbu ftit ieħor, iżda aktar ma beda jgħaddi l-ħin, aktar ħassewhom qed jitħeddlu. Kien William l-ewwel li marret għajnu bih. Filli kien qed jinbex lil Carol u filli mejjel rasu, imtedd fuq it-tapit, poġġa rasu fuq pupu mieles, għalaq għajnejh u raqad. Meta sabet ruħha tilgħab waħedha Carol ma damitx biex tagħmel bħalu. Henry u Twanny bdew jittewbu wkoll. Johnny biss baqa’ jiġġieled man-ngħas, għalkemm xorta beda jċedi f’xi waqtiet. Il-mamà u l-papà ħarsu lejn xulxin u tbissmu. Il-papà refa’ lil William u l-mamà lil Carol; Johnny mexa quddiem filwaqt li Henry ggranfa mad-dublett t’ommu u Twanny mal-qalziet ta’ missieru, biex il-familja kollha telgħet it-taraġ għall-kmamar tas-sodda. Il-ġenituri meddew lit-tfal fis-sodod tagħhom u reġgħu niżlu isfel fis-salott.
null
Paġna 4
null
Waqt li l-mamà kienet bilqiegħda fuq il-pultruna taħdem is-suf, il-papà ntefa’ jaqra fuq is-sufan faċċata tagħha. Kultant kien jgħolli rasu, ibaxxi n-nuċċali aktar ’l isfel fuq imnieħru u jistaqsi xi ħaġa lill-mamà. Meta jerġa’ jaqa’ s-skiet bejniethom, anki hu beda jongħos fuq is-sufan.
Issa d-dar kollha kienet siktet. Il-mamà ġralha l-istess. Lanqas ħasset il-kobba tas-suf titgerbeb minn ħoġorha għal fuq it-tapit.
Paġna 5
Fid-daqqa u l-ħin instema’ storbju ġej minn barra. Il-papà baqa’ jonħor u l-mamà tmattret ftit u baqgħet rieqda hemm fejn kienet.
Ħadd ma qam minn postu. La l-papà, la l-mamà u lanqas it-tfal. Stenna naqra. Mhux it-tfal kollha kienu reqdin. Fuq, fil-kmamar tas-sodda tat-tfal, l-affari kienet mod ieħor.
Johnny wkoll kien rieqed għall-ewwel, iżda kif sema’ l-ħoss, ħareġ mis-sodda u beda nieżel isfel sparat. It-tarġiet beda jaqbiżhom tnejn tnejn biex ifittex jinżel isfel ħalli jara x’kien ġara.
L-aħħar żewġ tarġiet qabiżhom bis-saħħa, u kien dan il-ħoss li qajjem lill-mamà. Widdbitu jerġa’ lura f’soddtu, li ma jmurx jieħu xi riħ, daqskemm kienet kesħa. Il-mamà gemgmet dwar kemm kellu nagħsu ħafif, tbissmet u marret tqajjem lill-papà biex anki huma jitilgħu jistrieħu fis-sodda.
null
Paġna 6
null
Johnny reġa’ beda jissielet man-ngħas. Il-ħsejjes issa kienu waqfu, iżda ma kienx kuntent. Kif kien dieħel lura fis-sodda ġietu idea kif seta’ jaqta’ l-kurżità u jara dak l-istorbju x’kien. Għall-ewwel qagħad jissemma’ minn wara l-bieb tal-kamra, biex jiżgura li l-mamà u l-papà kienu daħlu jorqdu f’kamrithom.
Meta kien ċert li kulħadd kien rieqed, ħareġ inkiss inkiss. Imbagħad resaq bil-mod lejn banketta, li kienet fir-rokna tal-indana u daħħalha fil-kamra tiegħu. Hemmhekk ressaqha tistrieħ mal-ħajt taħt it-tieqa, tela’ għarkupptejh fuqha u qagħad jittawwal għal barra.
Dak il-lejl, il-qamar kien qed jiddi ġmielu, u bid-dawl tiegħu t-tifel seta’ jara kollox. Ir-raġġi tal-qamar bdew jiddu fuq dak kollu li kien hemm barra. It-triq kienet kważi mdawla kollha. Is-siġar kienu jidhru sew. Kienu biss l-isqaqien li jagħtu għat-triq ta’ quddiemhom li kienu fid-dlam.
Kultant Johnny kien jibda jittewweb, jogħrok għajnejh u mbagħad iberraqhom biex iżommhom miftuħin biex ma jitlef xejn.
Paġna 7
null
Minn ġos-sema ra forma ta’ xi ħaġa ttir lejn it-triq tagħhom. Aktar ma bdiet tersaq viċin, aktar bdiet tikber. U aktar ma bdiet tikber, aktar bdiet tintgħaraf x’kienet. Sakemm niżlet fl-art u waqfet eżatt quddiem il-parapett tagħhom. It-tifel ma setax jemmen lil għajnejh.
Hemm, f’nofs it-triq, Johnny ra slitta mdaqqsa, u fuq quddiem, jiġbdu l-ħabel, kien hemm xejn inqas minn tmint iċriev. Sbieħ immens. Il-pil tagħhom ileqq, jidher li xi ħadd kien dam ħafna jixkupiljahom.
Bilqiegħda fuq is-slitta kien hemm raġel oħxon, wiċċu ruxxan u b’daqna folta u bajda. Kien liebes qalziet aħmar tal-bellus u ġakketta pariġġu.
F’rasu kellu barnuża ħamra tal-bellus u minn taħtha stajt tara xuxtu bajda, kemxejn twila u ftit imħabbla.
Paġna 8
It-tifel għorok għajnejh it-tnejn bil-ponnijiet tiegħu stess. Beda jaħseb li kien qed joħlom. U kieku kien, ħaseb bejnu u bejn ruħu, lanqas xtaq iqum malajr, biex jara kif kienet se tispiċċa din il-biċċa.
‘Imma tgħid qed nara sew?’ ħaseb it-tifel.
Ħutu reqdin kienu u reqdin baqgħu. Xtaq iqajjimhom biex jaqsam magħhom dan il-ferħ, iżda m’azzardax. Ajma ħej, jekk tinduna l-mamà! Ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.
null
Paġna 9
Xtaq li seta’ jaqsam din ix-xena ma’ ħutu, iżda mill-banda l-oħra ħass ruħu fortunat li kien qed igawdiha waħdu. Għal darb’oħra għorok għajnejh, iġġebbed aktar fit-tieqa biex żgur ma jitlef xejn.
Ra ċ-ċriev jagħtu bir-ras biex iserrħu għonqhom mill-vjaġġ twil li kienu ġejjin minnu. Rahom jagħtu b’riġlejhom ta’ quddiem, bħallikieku biex imattruhom għax kellhom seba’ mitt sena biex jerġgħu jtiru. Imbagħad ir-raġel niżel, u mill-karettun imżejjen li kellu fuq wara għabba xkora kbira fuq dahru.
null
Paġna 10
null
Għal ftit mumenti r-raġel għeb u t-tifel reġa’ beda jogħrok għajnejh. Sakemm fetaħhom mill-ġdid u reġa’ beda jiffoka għal barra, ir-raġel reġa’ tfaċċa qrib is-slitta, quddiem iċ-ċriev tiegħu. Ħakk żaqqu, ħakk rasu, imbagħad daħħal idejh fil-but u ħareġ iz-zokkor magħqud, u beda jitma’ liċ-ċriev wieħed wieħed.
“Zokkra għalik, Dasher. Waħda għalik ukoll, Dancer. U lilek, Prancer, sejjer ma nagħtikx? Anki waħda għalik għandi, Vixen, u waħda għalik, Comet, waħda kull wieħed għal Cupid u Donder u l-aħħar u mhux l-inqas, għalik, Blitzen,” sema’ lir-raġel jgħid liċ-ċriev gustużi.
“Imma tgħid hu? Dak żgur hu!” qal.
Ir-raġel reġa’ qiegħed l-ixkora fuq is-slitta ħdejh, ħataf f’idejh ir-riedni, ġibidhom ftit u ċ-ċriev malajr obdewh. F’kemm ilni ngħidlek inqatgħu mill-art u taru fis-sema.
“Ħoħħoħħo! Il-Milied it-tajjeb!” instema’ jgħajjat ir-raġel. U min-naħa ta’ wara tas-slitta deher ħiereġ trab tal-fidda u d-deheb.
Paġna 11
Il-mamà daħlet tittawwal lit-tfal reqdin f’soddithom. Kollha dehru reqdin fil-fond. Kollha f’posthom. Reġgħet geddset il-kutri sa taħt geddumhom biex ma jħossux bard.
Meta daħlet fil-kamra ta’ Johnny innutat li l-purtieri kienu mġerrija u s-sodda kienet vojta. Daħlet inkiss inkiss u sabitu rieqed kobba fl-art taħt it-tieqa.
Refgħetu bil-mod biex ma ttajjarlux in-ngħas, daħħlitu fis-sodda, u geddsitlu l-kutri sa taħt geddumu. It-tifel tqalleb u gemgem lejn ommu, b’għajnejh għadhom magħluqa, “Rajtu, mamà. Rajt lil Santa Klaws. Naħseb ġie jġibilna r-rigali,” qalilha, leħnu maħnuq u baxx bin-ngħas.
“Kompli oħlom, ibni. Għidli kollox filgħodu,” weġbitu ommu bil-ħlewwa, waqt li bisitu fuq moħħu.
null
Paġna 12
null
Filgħodu t-tfal sabu r-rigali taħt is-siġra u tgħidx kemm ferħu. Johnny kellu seba’ mitt sena biex jirrakkonta lil ħutu u lill-ġenituri dak li kien ra matul il-lejl, iżda ħutu qajla taw kasu. Kienu aktar moħħhom biex iqattgħu l-karti kkuluriti, biex jikxfu r-rigali.
Il-mamà u l-papà tbissmu meta qalilhom x’kien ra. Ħadd minnhom ma merieh, iżda lanqas ma kkonfermawlu li dak li kien ra kien minnu. Johnny m’għamilx buli, ftit li xejn ikkonfonda, u malajr qata’ jiesu jirrakkonta. Intefa’ fl-art ħdejn ħutu jiftaħ ir-rigali tiegħu. Bejnu u bejn ruħu ddeċieda li jżomm kollox għalih u ma jikxef ma’ ħadd dak is-sigriet importanti. Wara kollox, hu kien jaf x’ra.
Kultant kien jieqaf jaħseb. Tgħid veru dak li kien ra billejl, jew kienet ħolma? Fetaħ l-ewwel rigal u sab ċerva kbira u sabiħa, bil-pil ileqq u l-ġnieġel m’għonqha, li meta ċaqlaqha daqqet.
Imbagħad il-papà ħakk żaqqu, ħakk rasu, għemeż lill-mamà u b’leħen goff għajjat, “Ħoħħoħħo! Il-Milied it-tajjeb!”
Paġna 13

Glossarju

mieles
artab
Paġna 14
Tmiem