(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Ġurdien u z-Zija Tara

Kulħadd fi Triq il-Kbira kien jaf kemm kienet tibża’ mill-ġrieden iz-zija Tara. Mhux biss, imma ħafna drabi kienu jidħlu għaliha l-għassa tal-pulizija, il-kunsill lokali u s-segretarjat għall-anzjani, meta kienu jisimgħu dak l-għajjat u t-twerżiq kollu.
Għodwa waħda, malli kont miexi lura mill-iskola nsib pandemonju sħiħ f’din it-triq. Ħafna nies kienu barra, min b’xi siġġu, min b’xi sellum u min jirraġuna u jiftaħ idejh biex jagħti l-aħjar parir. Fil-pront nisma’ s-sirena tat-trakk tas-sezzjoni tat-tifi tan-nar tal-pulizija. Kulħadd warrab u b’għaġeb kbir tiegħi l-vettura waqfet eżatt quddiem id-dar taz-zija Tara.
Bqajt issummat fejn kont. Bilfors li kienet ġrat xi ħaġa gravi liz-zija. Ippruvajt nidħol bejn il-folla imma Ġanni tal-laħam malajr żammni minn idejja.
“Oqgħod hawn, ġuvnott, ħallihom jaqdu dmirhom sew,” qalli b’dak il-leħen oħxon. Għalxejn għajjatt li dik kienet id-dar taz-zija. Leħni ftit li xejn instema’ f’dik il-konfużjoni. Dawk tat-tifi tan-nar tgħidx kemm kienu ħfief u f’kemm ili ngħid tellgħu s-slielem għal ġol-gallarija taz-zija. Wara ftit naraw iz-zija mdendla ma’ wieħed minnhom nieżla bil-mod il-mod mas-sellum. Kienet issakkret fil-gallarija għax ġewwa daħlilha ġurdien u b’xejn ma’ setgħat tinżel. Il-ġirien twajbin mill-ewwel newlulha siġġu biex tistrieħ wara battikata bħal dik. Xi ħadd newlilha tazza te.
null
Paġna 1
Wara l-bieb magħluq tad-dar tagħha beda jinstema’ ħafna tisbit u daqqiet. In-nies baqgħu jistennew. Wara ftit infetaħ il-bieb u ħareġ wieħed minn dawk tat-tifi tan-nar bi ħwejġu nofshom żmattati u wiċċu għarqan xraba.
“Qbadnieh!” għajjat, filwaqt li l-folla miġbura ċapċpet u ferħet. Mhux għax ma ddispjaċinix għaz-zija Tara bil-kedda li kienet ħadet, imma ma stajtx ma nitħassarx lil dak il-povru ġurdien tal-imramma jirtogħod ġon-nassa. Stħajjiltu ljun imbeżża’ maqbud ġo gaġġa fi triqtu lejn l-arena ta’ Ruma.
Kien wara dakinhar li l-mamà ddeċidiet li titkellem ftit fit-tul maz-zija Tara dwar din il-problema. Jien u oħti Selina ma konniex se nitilfuha xi ħaġa bħal din. L-ewwel nett għax għand iz-zija dejjem kien ikun hemm il-forn imqabbad b’xi kejk jinħema u t-tieni għaliex dejjem semgħat l-opinjoni tagħna wkoll.
Paġna 2
“Ara ftit, zi,” bditilha l-mamà, “żgħira ħafna m’għadekx u dawn il-keded m’għandekx xi tridhom.”
“Naf, jaħasra,” karbet iz-zija Tara, “imma jien meta nara ġurdien itini ferħ ta’ ġenn. Minn xejn ma nibża’, lanqas mid-dlam, imma jekk nidħol hawn ġew u nsib ġurdien ikun se jtini ħass ħażin!”
“Jien ma nibżax, zi, mill-ġrieden,” qbiżt jien fil-pront, “dejjem tista’ ċċempel lili jekk jidħollok xi wieħed.” Jekk jirnexxili naqbdilha l-ġurdien iz-zija Tara żgur kienet se tkun rikonoxxenti miegħi. Kont diġà qed nara platt kollu ħlewwiet milli kienet taf taħmi hi!
“U mela int se tkun id-dar dejjem,” qatgħatli ħsiebi Selina. “Int filgħodu tkun l-iskola. Iz-zija mhux se toqgħod tistenna sakemm tiġi lura d-dar int biex teħles mill-ġurdien.”
“Mela le!” għajtet iz-zija, filwaqt li rewħet wiċċha bil-maktur. “Kieku mejta joħorġuni minn hawn!”
“Ara, ejjew ħalli nirraġunaw ftit,” qabżet tgħid il-mamà. “Mela int tkun waħdek u jekk jidħollok ġurdien trid l-għajnuna mill-ewwel għax tibża’…”
Waqfet ftit biex tara kif se tkompli. Ma kinitx xi ħaġa faċli. U jekk iz-zija kienet tibża’ ħafna mill-ġrieden, il-mamà mhux inqas minnha. Ma xtaqitx toffri biex tmur taqbdu hi.
null
Paġna 3
“Zi, min jaf li kieku tipprova taqbdu int?” ħasdet lil kulħadd Selina f’daqqa waħda. “Taf int, mhux qed ngħidlek li se taqbad ġurdien qisek m’intix int. Imma l-Miss darba qaltilna li jekk nibżgħu minn xi ħaġa għandna naffaċċjawha.”
“Iva, zi, bħall-matematika ta’ Selina,” qtajtilha kliemha jien, imma meta rajt lil oħti tagħmilli sinjal b’difrejha għall-ponta malajr komplejt, “dik kienet tibża’ mill-matematika imma issa ara kemm saret brava!”
“Imma jien kif se naffaċċjah ġurdien?” bdiet tokrob iz-zija filwaqt li qamet tara l-kejk sarx. Hija u miexja bdiet tħares madwarha ma jmurx joħroġ xi wieħed tal-mustaċċi twal.
“Faċli, zi,” reġgħet Selina, “int m’hemmx għalfejn tiġi wiċċ imb wiċċ miegħu. Kulma trid tlestilu nassa b’xi ġobna ġo fiha. Hu jidħol għall-ġobna u jinqabad. Imbagħad tista’ ċċempel lil ħija biex ineħħihulek hu, tajjeb?” żiedet filwaqt li ħarset lejja bi nkejja.
Paġna 4
U filwaqt li z-zija u l-mamà qagħdu jaraw kif se jinqasam il-kejk biex ma jitfarrakx, jien u oħti bdejna nħejju pjan ta’ attakk f’każ ta’ xi invażjoni minn ġurdien.
“Ara, zi,” għedtilha jien, filwaqt li wrejtha l-bieb tal-ġnien, “l-aħjar li tagħmel in-nases f’dawn il-postijiet għax minn hawn x’aktarx li jidħol ġurdien.”
Selina kienet diġà mmarkat b’biċċa ġibs ikkulurita rokna fil-kċina. “Tinsiex li hawn se jiġi għax ixomm ħafna affarijiet tajbin, eh!”
Tant domna nimmarkaw u nieklu li sakemm immarkajna l-postijiet kollha, il-kejk laħaq spiċċa.
Paġna 5
Xi ġimgħa wara kont sejjer lura d-dar mill-iskola. Kien ili xi ftit ma nħabbat għand iz-zija. Iddeċidejt li nittawlilha ftit. Xejn xejn forsi ndabbar xi ħaġa tajba. Iz-zija fetħitli kollha daħqana.
“Idħol, ibqa’ dieħel,” bdiet timbuttani ’l ġewwa , “ejja ħa tara min hawn!”
Għal ftit bdejt nitħasseb. Id-dar kienet mimlija nases fil-postijiet fejn għednielha biex tpoġġihom. Kollha kienu vojta ħlief għall-biċċiet tal-ġobon imqattgħin irqaq. Imxejt lejn il-kċina fejn kienet ġejja riħa taqsam ta’ ħlewwiet u benna. Iz-zija malajr ħaditli l-basket u mbuttatni fuq siġġu mal-mejda. Ma kont għadni rajt ’il ħadd. Is-soltu z-zija tagħmilli kantaliena ta’ mistoqsijiet dwar kif mort l-iskola, jekk lgħabtx ma’ sħabi, jekk qgħadtx bravu. Imma xejn minn dan. Iz-zija tant kienet ferħana li donnha nsiet li kont għadni ġej mill-iskola.
null
Paġna 6
“Ħalli naqtagħlek biċċa minn dan is-suflè,” qaltli, filwaqt li żiditli biċċa mal-kumplament tal-pastini li kelli fuq il-plattina, “lil Rudolf tgħidx kemm għoġbu!”
Jien tbissimtilha. Kont għadni ma nista’ nifhem xejn. Ma nagħmlux mod li issa z-zija qed tħoss moħħha wara dik il-battikata tal-ġurdien tal-ġimgħa ta’ qabel. Liz-zija ħallejtha ttaqtaq fuq il-gosti gastronomiċi ta’ Rudolf, imma fl-aħħar ma stajtx nissaporti iżjed.
“Imma dan Rudolf min hu, zi?” staqsejtha kollni kurżità.
“Iii, għadek ma indunajtx?” wieġbet iz-zija Tara, filwaqt li ġġebbdet għal fuq il-mejda. “Hemm qiegħed ħdejn saqajk. Rajtu lin-neputi? Bħalek, iħobbu s-suflè. Ħa biċċa lewża oħra, Rudolf, sabiħ. Ara kemm hu bravu.”
Lanqas ridt nemmen lil għajnejja. Ġriżmejja nixfu u għal ftit ma xraqtx . Ħdejn saqajja kien hemm nitfa ta’ ġurdien jimla żaqqu u jogħrok il-mustaċċi.
null
Paġna 7
“Għax jien ukoll ma spjegajtlekx,” bdiet tidħaq iz-zija Tara. “Mela, ilbieraħ kmieni kmieni nisma’ xi tħaxwix fil-kċina. Bżajt ftit, taf, għax kont naf x’inhu ġej għalija. Imma mbagħad qgħadt naħseb fuq li qaltli Selina u rabbejt kuraġġ ta’ sur.”
Jien kont għadni ma nistax nibla’ sew imma bżajt inwaqqafha liz-zija.
“Bdejt narma n-nases bil-ġobon ma’ kullimkien. Imma dak il-ħalliel lanqas biss ħares lejhom, baqa’ hemm, taħt il-bank tal-kċina. Tgħidx kemm irtogħdu saqajja hekk kif ersaqt biex inkompli dak is-suflè. Bdejt inħarislu minn taħt il-għajn u taf li baqa’ hemm iċċassat lejja? Għamilt tabirruħi li m’iniex qed nagħti kasu u komplejt inħawwad. Imbagħad, bħal donni ġieni ħsieb. Għedt mhux forsi ma jħobbux il-ġobon, hux, jew għandu l-kolesterol? Tfajt biċċa mis-suflè fl-art għat-taparsi waqgħatli. Taf li ġie għaliha? Tfajt biċċa oħra u reġa’ ġie. Biex ngħidlek bdejt niggustah.”
Paġna 8
Din qatt ma kont smajtha. Ġurdien iħobb is-suflè u ma jħobbx il-ġobon. Kif se mmur id-dar u ngħidilhom? Ara Selina x’passata se tgħaddi bija. Hekk kif kont mitluf fi ħsibijieti lmaħt liz-zija titkellem mal-ġurdien, qisha qed titkellem ma’ xi kelb żgħir taċ-Chihuahua. Ġieli kont nismagħha titkellem waħidha imma issa għandha ’l Rudolf iżommilha kumpanija.
“Issa fejn se żżommu, zi?” staqsejtha meta fl-aħħar sibt ilsieni.
“Rudolf għandu l-gaġġa tiegħu,” weġbitni, filwaqt li wrietni gaġġa tal-fniek tal-Indi kollha ġugarelli. “Taf kemm sar bravu? Jien inħallihielu miftuħa, jidħol u joħroġ xħin irid.”
“Naħseb li minn hawn mhux se jitlaqlek, zi,” komplejt jien. “Mid-dehra, il-ħelu tiegħek għoġbu wisq!”
Liz-zija kont tellajtha l-ġenna b’dal-kliem u lestietli borża se tixpakka bil-ħelu li kienet ħmiet biex noħodha miegħi d-dar.
“Qis li tgħaddi tarana meta trid, taf,” qaltli xħin wasslitni fil-bieb. Ma stajtx ma nifraħx għaz-zija Tara. Wara daż-żmien kollu waħidha rajtha ferħana wisq. Issa għandha ’l Rudolf ma’ min tgerger fuq kemm damet il-laqgħa tal-anzjani, kemm damet tixtri jew kemm kont inkissrilha xtieli bil-ballun.
Paġna 9
Tmiem