(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Il-Belliegħa

Pablo kien ikollu seba’ mitt sena sakemm imur iqatta’ ġurnata għand in-nanna. Daqstant ieħor in-nanna, kienet tkun qed tistennieh lin-neputi l-favorit tagħha.
Kien jixbhu wisq lil missieru b’dak il-wiċċ imqareb taħt ras kollha nokkli suwed. Pablo, xi ftit jew wisq qsajjar ma kienx jidher li kellu għaxar snin. “Qisu Anton tiegħi jitrabba,” kienet tgħid in-nanna kull darba li tgħaddi minn ħdejn ir-ritratt ta’ Pablo bl-uniformi tal-iskola.
Il-borma kienet diġà qed tfuħ bil-qarnita ttektek ġoz-zalza li taf tagħmel biss in-nanna. Kemm iħobbha l-qarnita Pablo! Lanqas il-qattus bebbuxi ma kien ilaqqat il-platt daqs Pablo. U n-nanna titpaxxa tara lit-tifel jiekol għal qalbu.
null
Paġna 1
Mal-ħoss tal-karozza tieqaf wara l-bieb, in-nanna telqet l-imgħarfa tal-injam li biha kienet qed tħawwad il-borma, u telqet tħaffef tiftaħ. Malli tfaċċa Pablo, ħatfitlu wiċċu bejn il-pali ta’ jdejha u bdiet tbewwes fih. Meta kien iżgħar kien jieħu gost bih il-bews tan-nanna, imma issa Pablo kien qed jitfarfar. Ftit ieħor u jitwal daqsha. U meta jitwal aktar minnha x’kienet se tagħmel, tiddendel m’għonqu biex tbusu? Kien beda jħossu jiħmar b’dan l-affett kollu tagħha u malli ma kinitx tkun qed tarah kien fil-pront jimsaħ wiċċu bil-komma tal-flokk.
Pablo kien iħobb jimraħ ġo dik id-dar, kollha rwejjaħ u tifkiriet. Ħafna affarijiet kienu jibqgħu l-istess, bħall-purtiera tal-bizzilla li kellha disinji tal-għasafar. U dawk tal-kamra tas-sodda l-kbira li kien joqgħod jistaħba warajhom taparsi qed jistaħba minn xi aljen. Kull rokna kien idur; jitla’ fuq il-bejt, iħuf ġol-ġnien, iqalleb fl-għodda tan-nannu. Xħin kien jixba’ kien imur ħdejn in-nanna.
“Għidli storja, nann!” kien jgħidilha Pablo b’ħarsa li kien jaf eżatt x’effett kellha fuq nanntu. Ħadd ma kien iħabbatha man-nanna għar-rakkonti, iżda llum in-nanna ma setgħet tiftakar l-ebda waħda minn dawk l-istejjer. Għall-ewwel iċċassat imbagħad bdiet tistaqsih, “Tridx ngħidlek tal-volpi u ċ-ċawla?” Pablo xengel rasu. “Jew ta’ San Dimitri… jew ta’ Għar Ħasan?”
Paġna 2
Ma setgħetx tikkuntentah illum lit-tifel. Minflok bdiet tirrakkontalu fuq meta l-papà, iz-zija Tessie u z-ziju Fred kienu għadhom żgħar, u x’kienu jħobbu jagħmlu. Pablo ħa nifs ’il ġewwa. Din l-istorja semagħha bosta drabi. In-nanna kellha l-ħila li ġġebbidha jew tibdlilha xi biċċiet minnha biex iżżommu attent, iżda meta kienet tasal biex tirrakkonta fuq il-papà ħadd ma seta’ jżommha! “Kemm kien bil-għaqal, Anton tiegħi… kemm kien jobdini… kien ikun dejjem minn tal-ewwel fl-iskola…” Pablo kien jara wiċċ in-nanna jiddawwal u jħalliha tgħid. Wara kollox, xtaq jitkixxef ftit fuq it-tfulija tal-papà.
null
Paġna 3
Dakinhar, però, Pablo ftit li xejn ħa gost jisma’ dik il-kantaliena u malli n-nanna ftakret li riedet tħawwad il-borma ra kif għamel u dabbar rasu. Ried jara fiex se jedha. Taħt it-taraġ, lemaħ l-armarju tal-kotba.
“Hemm kont issibu lil missierek,” għajtet in-nanna mill-kċina. “Kemm kien iħobbhom il-kotba! Kont ngħidlu li l-kotba jiftħulu moħħu.”
Pablo xxabbat u ta titwila lejn dawk il-kotba sfajrin. Lemaħ ktieb tar-rakkonti u ġġebbed għalih. L-istampi, għalkemm ftit qodma, kienu biżżejjed biex iħajruk tibda tqalleb il-paġni. Kien ktieb tal-ħrejjef. Fil-paġna ta’ quddiem kien hemm isem il-papà mħarbex. Pablo baqa’ miexi bl-amment lejn il-ġnien bil-ktieb f’idejh, mitluf jara dawk it-tpinġijiet li donnhom riedu jintfew u jaħarbu. Intasab taħt is-siġra tal-ħawħ li kienet qrib il-bir. In-nanna kienet tgħidlu bid-daħka kif fl-imgħoddi t-tfal kienu jbeżżgħuhom bil-Belliegħa. Pablo kien jibda jidħak u jgħidilha li hu żgur ma kien jibża’ minn xejn. Ma’ dawn il-ħsibijiet, Pablo xengel rasu u qaleb folja oħra.
Paġna 4
“M’għandix x’nagħmel aktar hawn! Dan l-umdu kollu mhux tajjeb għall-artrite. M’għadhom jemmnu b’xejn dawn it-tfal. U addiju folklor u addiju tradizzjoni. M’hemmx rispett!” kienet qed tgemgem xwejħa bajda kollha mxarrba tipprova tixxabbat mal-ħerża tal-bir. Xagħarha kien imxarrab, fiddien bi ftit tal-ħass għadu qed jitrabba fil-post tal-ferq. Għajnejha kienu mberrqin, tondi u griżi, donnhom jibqgħu dejjem miftuħin bħal tal-ħut. Pablo ħass saqajh jeħlu mal-art fejn kien. Ix-xwejħa tal-bir ma damitx ma ntebħet bih.
null
Paġna 5
“Hawn x’għandna? X’ġuvnot dan, bil-ktieb f’idejh! Tridx tgħinni noħroġ minn hawn, sbejjaħ?” talbitu.
Pablo tnikker. Ma kienx jaf għandux jobdi, iżda x-xwejħa ħarset fiss f’għajnejh u bħal f’seħer, newlilha jdejh it-tnejn biex iżżomm miegħu. Idejha kienu mxarrbin u jiżolqu. Kienet ftit tqila imma bi ftit sforz min-naħa tagħha ma damitx ma żżerżqet ’il barra mill-ħerża tal-bir. It-tfajjel flieha minn fuq s’isfel. Ilbiesha kien imwaħħal magħha u aktar kien jixbah lil weraq inkullat waħda mal-oħra milli libsa tad-drapp. Qatt ma basar li fil-bir seta’ jgħix xi ħadd għal żmien twil ġol-ilma! Ilaqlaq xi ftit, staqsieha, “Mi… min int? U x’… x’int tagħmel fil-bir tan-nanna?”
Hawn ix-xwejħa faqqgħet daħka li lil Pablo qabżitu minn fejn kien.
“Jien? Jien il-Belliegħa! Ili ġo dan il-bir ’il fuq minn mitt sena.” Weġbitu hi u tħares madwarha fil-ġnien. “Ma kinitx hawn din id-dar. Dan kien razzett. Niftakar lir-raħħala jiġu hawn jimlew l-ilma biex iġorruh magħhom id-dar. Lanqas din il-ħerża dejqa ma kienet hawn. Bnewha ħafna wara, din,” kompliet hi u tifli l-ħerża tal-bir. Pablo bejn xtaq jitlaq jiġri minn ħdejha u bejn xi ħaġa kienet qed iżżommu jibqa’ jismagħha.
Paġna 6
“Lit-tfal kienu jbeżżgħuhom bija biex ma jersqux wisq fit-tarf,” reġgħet il-Belliegħa. “Issa spiċċa xogħli, intesejt. Lanqas fil-kotba m’għadhom isemmuni!” Issa kien imiss lilha tifli lil Pablo. “U int? Int tidher sabi qalbieni. Ma tibżax minni, hux?” staqsietu, filwaqt li għemżitu u t-tbissima li feġġgħet fuq wiċċha kixfitilha tliet sinniet ħadranin.
null
Paġna 7
Pablo nħasad, iżda ma riedx juriha li kien qed jibża’. Moħħu kien qed jiġri bih. Tgħid jemminha? Imma hu kien raha b’għajnejh stess ħierġa mill-bir. Idejh kienu għadhom imxarrbin ukoll. Allura n-nanna ma kinitx qed tkun tiċċajta.
“Jien ma nibża’ minn xejn!” weġibha fil-pront.
Il-Belliegħa faqqgħet daħka li lil Pablo reġgħet kexkxitu.
“Ara, ejja ħa nieħdok dawra u żgur ma tiddejjaqx.” Pablo ma xtaq imur imkien magħha, iżda mingħajr ma tatu ħin iwieġeb, ix-xwejħa poġġiet idha kiesħa fuq spalltu.
It-tifel ħass difrejha ppuntati jaħfnuh tajjeb u ma ssugrax jiċċaqlaq. Stenna ftit. Fejn kienet se tieħdu? Ra li kien għadu fl-istess post. Imma kien hemm xi ħaġa stramba madwaru li ma kinitx hemm qabel. Is-siġra tal-ħawħ kienet għadha hemm iżda s-siġar l-oħrajn donnhom ċkienu jew kienu għadhom żgħar. Tassew kien l-istess ġnien tan-nanna imma mhux il-ġnien li jaf u jilgħab fih hu. Huwa u jifli l-affarijiet ta’ madwaru, ħareġ tifel jiġri. It-tifel fakkru f’xi ħadd. Kien qsajjar u b’xagħru kollu nokkli suwed. Warajh, ħarġet mara bl-imgħarfa tal-injam f’idejha. Pablo ċċassa u ta daqqa t’għajn lill-Belliegħa. Din mejlet rasha ’l isfel u tbissmitlu, “Iva, Pablo, dik in-nanna. Hija ma tistax tarak… u dak it-tifel…”
null
Paġna 8
Ma kienx hemm għalfejn tkompli. Pablo malajr fehem min kien dak it-tifel. Ħadd għajr il-papà! Imma x’kien ġara? Mill-bieb li mill-kċina kien jagħti għal ġol-ġnien ħareġ tifel ċkejken jibki u jolfoq b’ġugarell imkisser. Il-ħarqa tax-xugaman kienet twassallu sa rkopptejh. Pablo nfaqa’ jidħak. Dak żgur kien iz-ziju Fred, ġieh ħsieb Pablo. Kemm kien tad-daħk. Għalhekk ħarġet tiġri wara l-papà, in-nanna. Żgur kien hu li kissirhulu! Kemm kienet irqiqa n-nanna! Kemm kien iswed xagħarha!
In-nanna kienet qed tiġri wara dak l-imqarqaċ, li baqa’ għaddej minn ħdejn Pablo. Ma kienx jidher li induna bih. Baqa’ tiela’ fis-siġra tal-ħawħ ta’ ħdejn il-bir. In-nanna waslet sa ħdejhom. Kif kienet qaltlu l-Belliegħa, lanqas hi ma indunat bih. Pablo xtaq jgħajtilha imma ma felaħx ilissen kelma. In-nanna bdiet tgħajjat lil dak l-imqareb biex jinżel minn fuq is-siġra iżda dan, minflok, beda jaqta’ l-frott u jieklu. In-nanna kompliet ixxejjirlu l-imgħarfa tal-injam u hedditu li titla’ għalih. Dan l-imbierek baqa’ tiela’ ’l fuq, fuq zokk aktar fl-għoli. F’leħħa ta’ berqa tqaċċat iz-zokk li kien tiela’ fuqu u baqa’ nieżel b’tisbita fl-art. Dak il-wiċċ brikkun ma damx ma deher maħsud u sing aħmar beda nieżel għal fuq moħħu. Mid-dehra kien qasam rasu. Pablo tkerrah ftit. Kien jiddejjaq jara d-demm. In-nanna bdiet trodd is-slaleb bl-imgħarfa tal-injam b’kollox u ssejjaħ kemm taf tivvinta qaddisin ġodda. Mill-bieb tal-ġnien ħarġet tifla tiġri b’biċċa mxarrba f’idejha biex timsaħ moħħ ħuha.
null
Paġna 9
Allura dik iz-zija Tessie? ħaseb Pablo. It-tifla, b’żewġ malji f’xagħarha kienet liebsa ġiżirana taż-żibeġ li bdew iċekċku hi u tiġri. Minn dejjem kienet tħobb tiddandan iz-zija Tessie. Hekk mela kien għamlu dak il-farrett li kellu fuq moħħu l-papà. U Pablo dejjem kien jaħseb li l-papà kien ħabat rasu mal-armarju tal-kotba jew li qasam moħħu b’xi ktieb.
“Pablo, qum! Ejja ħa tiekol, sabiħ!”
Pablo ħassu jistenbaħ minn raqda fonda. Sab lin-nanna ħdejh taħt is-siġra tal-ħawħ, tipprova tqajmu bil-ħlewwa. Fejn kien dak ix-xagħar iswed tan-nanna? Ħares madwaru. Is-siġar tal-ġnien reġgħu saru kbar.
“Għadek bi ngħas? Tibżax, qum bil-mod. Hemm x’kont qed taqra sabiħ? Min jaf kemm-il darba qrah il-papà dak il-ktieb!”
Paġna 10
Hawnhekk Pablo berraq għajnejh u tbissem. Għall-erwieħ! Mela dik l-avventura kienet biss ħolma. Qam minn fejn kien biex imur jiekol man-nanna. Dak l-istuffat tal-qarnit kien għoddu nessieh il-ħolma stramba li kien ħolom. Imma f’daqqa waħda waqaf fejn kien. Mess il-qmis, in-naħa ta’ spalltu… kienet għadha mxarrba. Ħares madwaru. L-art kienet xotta. Ma kinitx għamlet xita sakemm kien rieqed… Ta daqqa t’għajn bis-serqa lejn il-bir… Ma kien hemm ħadd tiela’ mal-ħerża, iżda issa kien żgur li fil-bir kien hemm jgħix xi ħadd.
Minn dakinhar ftit li xejn kien jersaq lejn il-bir fil-ġnien tan-nanna. Mhux għax kien jibża’, ta, għax Pablo ma kien jibża’ minn xejn! Imma kien joqgħod iħares lejn il-bir mill-bogħod. Kultant kien jixtieq li jerġa’ jara lill-Belliegħa, imma għal ftit ħin biss. Kemm juriha li ma kienx jibża’ minnha. Ma kien qal lil ħadd b’li kien għadda minnu. U ma kien qal lil ħadd kif kien sar jaf li l-farrett li kellu fuq moħħu l-papà mhux minħabba l-kotba kien għamlu.
null
Paġna 11
Tmiem