(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).
Ħlejjaq tal-Baħar
Il-lizz
Jeżistu madwar 20 speċi ta’ lizz. L-akbar speċi tikber sa 2 metri u tiżen madwar 50 kilogramma. Il-lizz huwa kaċċatur mill-aqwa. Għandu snien iniggżu ħafna li ma jħallux il-ħut li jaħtaf jaħrablu. Il-lizz iħobb jikkaċċja billejl.
Paġna 1
Iż-żiemel tal-baħar
Iż-żiemel tal-baħar la għandu snien u lanqas stonku. L-ikel tant jgħaddi malajr mis-sistema diġestiva
tiegħu li jrid jiekol kważi l-ħin kollu. Il-granċijiet huma ftit mill-predaturi ta’ din il-ħlejqa ħelwa tal-baħar.
Ħaġa kurjuża hija li r-raġel iġorr il-bajd u mhux il-mara.
Paġna 2
L-istilla tal-baħar
Jeżistu madwar 2,000 speċi ta’ stilel tal-baħar. Mhux l-istilel kollha għandhom ħamest iswaba’. Xi speċi għandhom anke 40 suba’. Għandhom għajn f’tarf kull suba’ u kapaċi jgħixu sa 35 sena. L-istilel tal-baħar ma jgħixux fl-ilma ħelu.
Paġna 3
Ir-rizza
Id-daqs tar-rizza hu bejn 3 u 10 ċm. Il-biċċa l-kbira tal-ispeċi huma suwed, kannella, vjola, ħomor jew ħodor. Dawn il-ħlejjaq jgħixu sa 30 sena iżda r-rizza l-ħamra tgħix sa 200 sena! Għalkemm mimlija xewk għandhom ħafna predaturi, fosthom ħut kbir, granċijiet u n-nies.
Paġna 4
Il-granċ
Insibu aktar minn 4,500 speċi ta’ granċijiet. Dawn ilhom magħna 200 miljun sena! L-akbar speċi ta’ granċ fih 5.5 m. Il-granċijiet għandhom il-garġi u jieħdu n-nifs meta jkunu taħt l-ilma biss. It-tqala ddum bejn ġimgħa u tnejn u l-mara tbid bejn 1,000 u 2,000 bajda. Xi granċijiet jgħixu aktar minn 10 snin.
Paġna 5
Il-marzpan
Din il-ħuta hija magħrufa għall-kuluri sbieħ tagħha. Il-marzpan jibdel il-kulur u s-sess tiegħu kemm-il darba matul ħajtu. Matul il-lejl jiksi lilu nnifsu b’lega biex tipproteġih mill-predaturi notturni. L-akbar speċi ta’ marzpan tikber aktar minn metru.
Paġna 6
Iċ-ċervjola
Din il-ħuta għandha żewġ ismijiet – meta tkun żgħira tissejjaħ ċervjola u meta tikber issir aċċola. Iċ-ċervjola għandha lewn id-deheb ikanġi fil-vjola. Din il-ħuta tħobb tikkaċċja madwar bastimenti mgħarrqa, skollijiet u sikek.
Paġna 7
Il-fekruna tal-baħar
Il-fkieren ilhom fid-dinja minn qabel id-dinosawri – aktar minn 220 miljun sena. Dawn iqattgħu l-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom fl-oċeani. In-nisa jirritornaw fl-istess bajja fejn twieldu biex ibidu l-bajd… anke wara 30 sena jirnexxilhom isibu l-bajja! Dawn il-ħlejjaq jgħixu madwar 80 sena.
Paġna 8
Il-gamblu
Il-gamblu jgħix madwar sentejn u huwa omnivoru. Il-mara kapaċi tbid sa miljun bajda u dawn jieħdu ħmistax biss biex ifaqqsu. Il-gambli huma invertebrati u għandhom esoskeletru, aktarx trasparenti, li jagħmilha diffiċli għal predaturi oħra biex jarawhom.
Paġna 9
L-awwista
L-awwista hija ħlejqa notturna u għandha vista ħażina ħafna. Xi speċi saħansitra ma jaraw xejn.
Madanakollu, għandhom sens tax-xamm tajjeb ħafna. L-akbar awwista li nafu biha kien fiha aktar minn metru u kienet tiżen 20 kilo!
Paġna 10
Il-morina
Għalkemm il-morina tixbah lis-serp, hija ħuta u tippreferi tgħix f’ilmijiet baxxi u sħan ġo xi toqba jew qasma fil-blat. Hija annimal karnivoru li jħobb jiekol ħut, qarnit, klamari, siċċ, granċijiet, molluski, u l-bqija. Id-daqs tal-morina jvarja bejn 15-il ċentimetru u 5 metri. Din il-ħlejqa għandha bżonn ċirkolazzjoni kontinwa ta’ ilma mal-garġi biex tieħu n-nifs.
Paġna 11
Il-qarnita
Insibu madwar 300 speċi ta’ qarnit. Il-qarnita hija invertebrata u kapaċi tgħaddi minn postijiet dojoq ħafna. Il-qarnita għandha tlett iqlub, tnejn jiċċirkolaw id-demm mal-garġi u l-oħra tiċċirkola d-demm mal-kumplament tal-ġisem. Din titfa’ sħaba ta’ linka sewda biex taħrab u tfixkel il-predaturi.
Paġna 12
Glossarju
esoskeletru qafas iebes bħal skeletru fuq barra tal-ġisem ta’ xi annimal invertebrat, bħalma jkollu l-granċ
invertebrat annimal li m’għandux xewka tad-dahar
karnivoru annimal li jiekol annimali oħra
notturn annimal li jkun attiv billejl
omnivoru li jiekol varjetà ta’ ikel, kemm pjanti kif ukoll ikel li ġej minn annimali oħra
predatur annimal li jikkaċċja annimali oħra għall-ikel
sistema diġestiva l-organi u l-glandoli li jkissru u jibdlu l-ikel f’nutrijenti u enerġija li għandu bżonn il-ġisem biex jaħdem