“Qattus sbejjaħ dan,” kompliet tgedwed Ġiża. “Dan x’qalb għandhom jitfgħu barra qattus bħal dan! U kemm għadu żgħir! Ħalib ommu fi snienu. Imbagħad illum, maltemp bħal dan! Dan lanqas kien iwassal lejl f’dik il-kesħa u dik ix-xita li nieżla. Ejja ħa nisqik u nagħtik tiekol, sabiħ,” qalet Ġiża lill-qattus li kien mar għandha jitlob wens.
“Ejja, Liża, ejja ħa tara x’qattus sbejjaħ dan li ġie għandna!” ħeġġet Ġiża lil Liża, iżda Liża baqgħet ’il bogħod minnhom. Marret ħadet postha fuq il-pultruna qisha qed tgħidlu, “Ara hawn tiegħi, taf!” U injorat lil Ġiża u lill-qattus qisu ma kien hemm ħadd aktar ħliefha fid-dar. B’saqajha ta’ wara ’l fuq, intefgħet tilgħaq żaqqha biex taħsilha, imbagħad lagħqet idejha u bihom imxarrbin mellset biex ħaslet rasha u sa lagħqet bejn is-swaba’, b’difrejha twal u ppuntati maħruġa biex jarahom kulħadd. Bħal donnha riedet tgħid lil dan il-qattus il-ġdid, “Ara taħseb biss li se teħodli posti!”