(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ġakki u s-Siġra tal-Fażola

null
Darba waħda kien hemm armla li kienet tgħix ma’ binha Ġakki. Jum fost l-oħrajn ommu qaltlu biex ibigħ l-unika baqra li kellhom.
Paġna 1
null
Ġakki mar sas-suq u fit-triq iltaqa’ ma’ raġel li ried jixtri l-baqra. It-tifel staqsieh, “X’se tagħtini talli ntik il-baqra?”
Ir-raġel wieġbu, “Nagħtik ħames fażoliet maġiċi!”
Ġakki ħa l-fażoliet maġiċi u ta l-baqra lir-raġel.
Paġna 2
null
Imma meta wasal id-dar, ommu tgħidx kemm irrabjat miegħu! Qaltlu, “Imma kemm int bla ras! Ħallejtu jeħodlok il-baqra u lilek tak biss ħames fażoliet!” Bir-rabja dlonk tefgħet il-fażola barra mit-tieqa.
Ġakki ddispjaċieh ħafna u dik il-lejla raqad fuq stonku vojt.
Paġna 3
null
L-għada filgħodu, xħin qam, Ġakki ħares ’il barra mit-tieqa u ra li mill-fażoliet tiegħu kienet kibret siġra kbira tal-fażola. Dlonk ixxabbat magħha sakemm sab ruħu f’art ġdida fis-smewwiet.
Paġna 4
null
Hemmhekk kien jgħix ġgant mal-mara tiegħu. Ġakki ma beżax jidħlilhom fid-dar, fejn sab lill-mara tal-ġgant fil-kċina.
Paġna 5
null
Xħin ratu staqsieha, “Tista’ ttini xi ħaġa x’niekol? Għandi ġuħ ħa mmut!” Il-mara ħennet għalih u tatu ftit ħobż u ħalib.
Waqt li Ġakki kien qed jiekol, il-ġgant wasal id-dar. Dan il-ġgant kien kbir ħafna u tal-biża’, u għalhekk Ġakki twerwer u fittex mar jistaħba.
Paġna 6
null
Il-ġgant għajjat, “Fi-faj-fo-fan, qed inxomm riħa ta’ demm uman. Kemm jekk hu ħaj u kemm jekk le, nagħġnu f’ħobż u nfettu fit-te!” Il-mara qaltlu, “Imma hawn m’hawn l-ebda bniedem!”
Paġna 8
null
Għalhekk il-ġgant kiel bil-kwiet u mar f’kamartu. Hemmhekk ħareġ l-ixkejjer bil-muniti tad-deheb li kellu, għaddhom kollha u poġġiehom fil-ġenb. Imbagħad mar jorqod.
Paġna 8
null
Matul il-lejl Ġakki ħareġ inkiss inkiss minn fejn kien mistoħbi, ħa xkora bil-muniti tad-deheb u reġa’ niżel mas-siġra. Xħin wasal id-dar ta l-muniti lil ommu. Ommu ferħet tassew u għal xi żmien għexu tajjeb ħafna.
Paġna 9
null
Imma darba Ġakki fettillu jerġa’ jitla’ mas-siġra tal-fażola u reġa’ daħal fid-dar tal-ġgant. Għal darb’oħra, Ġakki staqsa lil mart il-ġgant għal xi ħaġa tal-ikel, imma waqt li kien qed jiekol, il-ġgant ġie lura.
Paġna 10
null
Ġakki qabeż bil-qatgħa, u f’ħakka t’għajn staħba taħt is-sodda. Il-ġgant għajjat, “Fi-faj-fo-fan, qed inxomm riħa ta’ demm uman. Kemm jekk hu ħaj u kemm jekk le, nagħġnu f’ħobż u nfettu fit-te!” Imma l-mara qaltlu, “Hawn m’hawn l-ebda bniedem!”
Paġna 11
null
Għalhekk il-ġgant kiel bil-kwiet u mar f’kamartu. Hemmhekk ħareġ tiġieġa u għajjat, “Bidli bajda!” u t-tiġieġa biedet bajda tad-deheb. Meta l-ġgant raqad, Ġakki ħa t-tiġieġa u niżel jiġri mas-siġra. Għal darb’oħra omm Ġakki tgħidx kemm ferħet!
Paġna 12
null
Xi ftit ġranet wara, Ġakki reġa’ tela’ għal darb’oħra mas-siġra tal-fażola u baqa’ sejjer dritt fil-kastell tal-ġgant. Għat-tielet darba Ġakki ltaqa’ ma’ mart il-ġgant u staqsieha għal xi ħaġa tal-ikel. Il-mara reġgħet tatu ftit ħobż u ħalib.
Imma waqt li Ġakki kien f’nofs l-ikla, il-ġgant wasal id-dar. Il-ġgant għajjat, “Fi-faj-fo-fan, qed inxomm riħa ta’ demm uman. Kemm jekk hu ħaj u kemm jekk le, nagħġnu f’ħobż u nfettu fit-te!” Imma l-mara qaltlu, “U fejn mort b’rasek! Hawn m’hawn l-ebda bniedem!”
Paġna 13
null
Il-ġgant kellu arpa maġika li kienet iddoqq mużika tassew sabiħa. Waqt li l-ġgant kien rieqed, Ġakki ħa l-arpa u kien għoddu ħarab. Imma f’daqqa waħda l-arpa maġika bdiet tgħajjat, “Ajjut, Sinjur! Dat-tifel se jisraqni!”
Paġna 14
null
Il-ġgant qam u ra lil Ġakki bl-arpa f’idu. Telaq jiġri warajh mimli rabja, imma Ġakki kien ħafif wisq u għalhekk ma setax ilaħħaq miegħu. Ġakki niżel jiġri mas-siġra u ġera lejn id-dar t’ommu.
Paġna 15
null
Il-ġgant beda nieżel warajh. Iżda Ġakki daħal jiġri d-dar, qabad mannara u beda jagħti kemm jiflaħ biha fuq iz-zokk tas-siġra biex jipprova jqaċċatha.
Il-ġgant kompla nieżel, imma ħass is-siġra tiċċaqlaq u waqaf biex jara x’ġara. Dak il-ħin Ġakki ta daqqa oħra b’saħħtu kollha fuq is-siġra u l-ġgant waqa’ fl-art, qasam rasu u storda.
Paġna 16
null
Is-siġra bdiet tegħleb fuq naħa minnhom sakemm waqgħet minn tulha fuq il-ġgant b’tisbita u qatlitu.
Paġna 17
null
Xħin ra hekk Ġakki mar ferħan id-dar u wera l-arpa maġika lil ommu. Din riedet ittir bil-ferħ, għax permezz tal-arpa u l-bejgħ tal-bajd tad-deheb, hi u Ġakki saru sinjuri kbar u għexu ferħanin flimkien għal dejjem.
Paġna 18
Tmiem