(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Films li Nħadmu Malta

L-industrija tal-films saret tagħmel parti sostanzjali mill-ekonomija ta’ Malta, speċjalment mat-twaqqif tal-Kummissjoni Maltija tal-Films fis-sena 2000. Iżda l-istorja tal-films f’Malta tmur ferm aktar lura minn hekk.
Kien fl-1925 li d-Direttur H. Bruce Woolfe ħadem l-ewwel film f’Malta bl-isem Sons of the Sea. Dal-film kien dwar tifel sinjur u ieħor iben ġardinar li daħlu fin-navy u spiċċaw biex salvaw tifla mill-pirati fil-Mediterran. Dan kien film silent, kif kienet in-norma dak iż-żmien.
Fl-1953 inħadem ukoll il-film Malta Story, li kien mhux biss maħdum Malta iżda l-ewwel film ambjentat f’Malta. It-tema tiegħu kienet ukoll dwar il-gwerra. Fil-fatt jittratta storja ta' mħabba diffiċli bejn tfajla Maltija u pilota Ingliż fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.

Muriel Pavlow, l-attriċi ewlenija fil-film Malta Story (1953).

null
Paġna 1
It-tema tal-gwerra u n-navy baqgħet pjuttost popolari sal-1963 meta ħareġ il-film Treasure in Malta. Dan il-film bil-kliem kien dwar żewġt itfal fuq btala f’Malta waqt li missierhom kien medhi jfittex teżor f’għamla ta’ statwetta antika ta’ valur. Id-direttur kien Derek Williams, filwaqt li fost l-atturi nsibu wkoll atturi Maltin bħal Mario Debono, Aidan Mompalau de Piro u Charles Thake.
Il-films ambjentati f’Malta ma qatgħux matul is-snin. Fosthom insibu The MacKintosh Man (1973), Voir Malte et Mourir (1974), Trenchcoat (1983), Black Eagle (1988), Cuttroath Island (1995), Troy (2004) u Munich (2005). Fost il-films aktar reċenti nsibu Kon-Tiki (2012), Captain Phillips (2013), By the Sea (2015), Assassins Creed (2016) u Murder on the Orient Express (2017), apparti produzzjonijiet Maltin bħas-Simshar (2014) u Limestone Cowboy li ħareġ fl-2019.
Paġna 2
null
Paġna 3
Pulp (1972) huwa film thriller u xi ftit tad-daħk taħt id-direzzjoni ta’ Mike Hodges. Il-film huwa dwar kittieb tar-rumanzi tad-ditektivs li kien joħroġhom bħall-pastizzi. Dan il-kittieb jintalab jagħmilha ta' ghostwriter sabiex jikteb awtobijografija ta’ artist tal-films b’ħajja mimlija intriċċi.
Mis-sebgħinijiet ’il quddiem in-numru ta’ films rinomati ħa spinta sewwa ’l quddiem, bħal Shout at the Devil (1976), Orca: Killer Whale (1977) u Midnight Express (1978). Dan tal-aħħar hu magħruf l-aktar għax-xeni miġbuda fil-parti t’isfel tal-Forti Sant’Iermu.
Paġna 4
Fl-1980 insibu l-film Popeye, bl-atturi Robin Williams u Shalley Duvall. Il-film innifsu ma tantx kien suċċess, imma s-sett li nbena madwar ir-Ramla tal-Prajjet (Anchor Bay), il-Mellieħa baqa’ fil-post u maż-żmien sar attrazzjoni turistika li ġibdet ferm aktar nies lejha mill-film innifsu.
Film ieħor mill-istess sena kien il-film tal-avventura Raise the Titanic (1980), taħt id-direzzjoni ta’ Jerry Jameson. Dan ukoll ma kienx xi suċċess kbir, speċjalment mil-lat ekonomiku. Il-film sewa mas-$36 miljun iżda daħħal biss $13.8 miljun. L-attur Lew Grade rrimarka li “kien ikun irħas kieku baxxew l-Atlantiku minflok.”

Is-sett li ntuża fil-film Popeye (1980) ġewwa r-Ramla tal-Prajjet (Anchor Bay).

null
Paġna 5

Robin Williams, l-attur prinċipali fil-film Popeye (1980).

null
Paġna 6
Fid-disgħinijiet insibu l-film Les 1001 Nuits (1990) tad-Direttur Philippe de Broca bl-attriċi Catherine Zeta-Jones. Ta' min isemmi wkoll il-film White Squall (1996) tad-Direttur Ridley Scott bl-attur Jeff Bridges. F’tal-aħħar tispikka l-aktar ix-xena tal-maltempata fuq il-baħar iffilmjata r-Rinella fil-Mediterranean Film Studios.
Il-Millennju ġab miegħu sensiela ta’ films suċċess bħall-Gladiator (2000), U-571 (2000), The Count of Monte Cristo (2002), The League of Extraordinary Gentlemen (2003), A Different Loyalty (2004), Alexander (2004) u The Da Vinci Code (2006).
Fil-film Gladiator, taħt id-direzzjoni ta' Ridley Scott ukoll, Malta tagħmilha ta’ Ruma, bl-attur Russell Crowe jiġġieled f’Kolossew replika mibni fil-Forti Ricasoli.

Russell Crowe, il-protagonista fil-film Gladiator (2000).

null
Paġna 7
Fl-istess sena, inħadem film suċċess ieħor bl-isem U-571 taħt id-direzzjoni ta’ Jonathan Mostow. Dan il-film huwa dwar sottomarin Ġermaniż li jiġi infiltrat minn aġenti Amerikani. L-iskop tagħhom kien li jisirqu l-magna tal-Enigma li tiddeċifra l-messaġġi sigrieti. Fost l-atturi prinċipali f’dan il-film insibu ’l Matthew McConnaughey, Bill Paxton, Jon Bon Jovi u Harvey Keitel.

Jon Bon Jovi, l-attur ewlieni fil-film U-571 (2000).

null
Paġna 8
Il-Port il-Kbir għamilha ta’ Marsilja fil-film The Count of Monte Cristo (2002) bid-Direttur Kevin Reynolds. L-istorja hija dwar raġel li jispiċċa l-ħabs intortament u fl-aħħar jirnexxilu jaħrab. Il-ħabs fil-film, bl-isem Chateau d’If, kien it-Torri ta’ Santa Marija ta’ Kemmuna.
null
Paġna 9
Sean Connery ħadem fil-film The League of Extraordinary Gentlemen (2003) tad-Direttur Stephen Norrington. Il-film, li nħadem ix-Xlendi, Għawdex u fil-Mediterranean Film Studios, irċieva ħafna kritika ħarxa, speċjalment għall-fatt li ma kienx wisq fidil lejn is-sensiela ta’ kotba tal-komiks bl-istess isem ta’ Alan Moore u Kevin O’Neill. Madanakollu, xorta waħda rnexxielu jifdi l-ispiża tal-produzzjoni.
Il-film Troy (2004) huwa ambjentat fid-dinja Klassika tal-Greċja tal-Qedem madwar is-sena 1250 Q.K. u juri l-battalja ta’ Trojja hekk kif jirrakkuntaha Omeru fl-Illijade. Id-direzzjoni kienet f’idejn Wolfgang Petersen. Fost l-atturi prinċipali nsibu ’l Brad Pitt, Eric Bana u ’l Orlando Bloom. Il-film inħadem fil-Forti Ricasoli, ir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay) u Bejn il-Kmiemen (Blue Lagoon).

Brad Pitt (xellug) u Orlando Bloom (lemin), l-atturi prinċipali fil-film Troy (2004).

null
Paġna 10
Il-film storiku Munich (2005) kien suċċess ieħor mis-sensiela ta’ films rinomati miġbuda f'Malta. Taħt id-direzzjoni ta’ Steven Spielberg, dan il-film jirrakkonta ġrajja li seħħet veru waqt l-Olimpjadi tas-sajf tal-1972. Fiha, grupp ta’ ħdax-il atleta Iżraeljan inħataf mit-terroristi u nqatel. Munich ġie nnominat għal bosta premjijiet u rebaħ uħud minnhom, bħall-premju għall-aħjar direttur u l-aħjar film mill-Washington D.C. Area Film Critics Association.

Steven Spielberg, id-direttur tal-film Munich (2005).

null
Paġna 11
The Da Vinci Code (2006) beda bħala rumanz kontroversjali miktub minn Dan Brown. Il-film, taħt id-direzzjoni ta’ Ron Howard, ma kien xejn inqas għalkemm dan ma naqqas xejn mis-suċċess kbir fil-box office. Dan il-film, li fih jaħdem l-attur Tom Hanks, huwa tat-tip thriller.
Fl-2009 nħadem Malta l-film storiku Agora tad-Direttur Alejandro Amenábar. Din il-produzzjoni Spanjola kienet suċċess ieħor madwar id-dinja ħlief fl-Istati Uniti. Fil-fatt huwa l-aktar film Spanjol li għamel qligħ fi Spanja. Huwa film dwar ilsir li jsir Kristjan bl-għan li jikseb il-ħelsien u fl-istess ħin isir iħobb lil sidtu, il-professur tal-filosofija u matematika, Ipazja minn Lixandra.
Fl-2013, Brad Pitt reġa’ deher f’film ieħor miġbud Malta, din id-darba fil-film World War Z tad-Direttur Marc Forster. Huwa deher fil-parti ta’ Gerry Lane, eks investigatur tal-Ġnus Magħquda. Huwa film fittizju u tal-biża’ li jiffoka fuq sitwazzjoni apokalittika fejn in-nies jinħakmu minn pandemija li tibdilhom f’zombies.

Rachel Weisz, l-attriċi ewlenija fil-film Agora (2009).

null
Paġna 12
Il-film Assassin’s Creed (2016) huwa magħruf sew ma’ dawk li jħobbu jilagħbu logħob diġitali. Dan il-film inħadem taħt id-direzzjoni ta’ Justin Kurzel u huwa bbażat fuq il-logħba stess. Assassin’s Creed huwa ambjentat fi żmien l-inkwiżizzjoni Spanjola. Dan huwa film mimli azzjoni fejn permezz tat-teknoloġija revoluzzjonarja Callum Lynch (Michael Fassbender) jesperjenza l-avventuri ta’ wieħed mill-antenati tiegħu fis-seklu 15. Huwa jiskopri li jkun imnissel minn soċjetà sigrieta u b’hekk jikseb ħiliet speċjali.

Michael Fassbender, l-attur prinċipali fil-film Assassin's Creed (2016).

null
Paġna 13
Film ieħor li nġibed ġewwa pajjiżna huwa Murder on the Orient Express li ħareġ għall-wiri fl-2017. Din id-drama, li teħodna lura għas-snin 30, tlaqqagħna ma’ ditektiv Belġjan famuż li jsolvi każ ta’ serq ġewwa Ġerusalemm. Huwa jiġi mqabbad bħala bodyguard minn ċertu Edward Ratchett, parti interpretata mill-attur popolari Johnny Depp. L-istorja tittratta każ ta’ qtil fuq ferrovija bl-isem ta’ Orient Express.
F’Mejju tal-2019 ħareġ il-film bi produzzjoni Maltija Limestone Cowboy, taħt id-direzzjoni ta’ Abigail Mallia. Il-protagonist tal-film huwa Karist, parti maħduma minn Paul Portelli, li jiddeċiedi li joħroġ għall-elezzjoni bħala kandidat indipendenti. Sħab Karist jiddieħku bih għal din id-deċiżjoni li ħa. L-ambizzjonijiet ta’ Karist jikbru meta fix-xena jidħol karattru misterjuż bl-isem ta’ Tommy, parti interpretata mill-attur Paul Cilia. Dak li jgħaddi minnu Karist jibda jinħass bħala piż żejjed fuq il-familja tiegħu, u b’hekk l-argumenti u n-nuqqas ta’ ftehim isiru xi ħaġa ta’ kuljum.

Johnny Depp, l-attur li interpreta l-parti ta' Edward Ratchett fil-film Murder on the Orient Express (2017).

null
Paġna 14
L-industrija tal-films f’Malta mhux biss iġġib produzzjonijiet minn barra biex jinħadmu Malta, iżda tinvolvi nies Maltin u xogħlijiet interessanti ġodda, bħalma hu dak tal-ekstras fil-films. Dawn huma atturi li jaħdmu partijiet li ma jinvolvux taħdit jew kant, ġeneralment f’xi folla jew fl-isfond. Dan ix-xogħol huwa importanti biex jagħti lill-film dik id-dehra aktar realistika.
Barra minn hekk, il-films iħaddmu wkoll artisti tal-irtokk (makeup artists) u ħajjata tal-kostumi fost l-oħrajn. Jinbnew ukoll settijiet tal-films li jirrikjedu diżinjaturi, xogħol fl-injam u fil-ġebel li jżomm ċerti snajja’ attivi.

Sessjoni ta' rtokk minn wara l-kwinti.

null
Paġna 15

Glossarju

  • medhi: aljenat jagħmel xi ħaġa
  • infiltrat: imdaħħal jew mogħti aċċess għal xi post jew organizzazzjoni
  • tiddeċifra: tidentifika, tinterpreta jew tifhem xi ħaġa
  • jifdi: jiġbor jew iġib xi ħaġa lura, pereżempju flus jew spejjeż
  • apokalittika: diżastruża, li turi qerda u distruzzjoni
  • revoluzzjonarja: differenti ħafna minn tas-soltu, ġdida, innovattiva, li turi bidla kbira
  • antenati: dawk il-persuni tal-istess razza u ġens li għexu qabel
  • ghostwriter: persuna mqabbda u mħallsa minn persuna oħra biex tikteb f'isimha
  • intriċċi: tfixkil, ostakli, għawġ, xkiel, kumplikazzjonijiet
  • pandemija: marda li tittieħed u kapaċi tinxtered mad-dinja kollha
Paġna 16
Tmiem