oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations

(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Estora u l-Ktieb Maġiku

null
Meta Cora xtrat il-ktieb żgur li qatt ma basret li dan kien ktieb speċjali u differenti mill-oħrajn. Minn barra kien jidher ktieb normali. Kien rettangolari, kellu qoxra iebsa u magħmul minn ħafna karti meħjutin flimkien. Lil Cora kien għoġobha l-isem u d-disinn ta’ fuq il-qoxra.
Filgħaxija wara li kielet mal-familja, inħaslet u marret f’kamritha sabiex tibda taqra l-ktieb. Tfiet id-dawl tal-kamra, imteddet fuq is-sodda, xegħlet il-lampa ta’ fuq il-komodina, fetħet il-ktieb u bdiet taqra: Darba waħda ġewwa raħal żgħir f’pajjiż imbiegħed kien hemm tfajla miexja ġo triq mudlama...
Paġna 1
null
U dak il-ħin stess Cora sabet ruħha ġo triq mudlama! Cora baqgħet skantata. “Kif filli qed naqra u filli qiegħda hawn? U hawn fejn jiġi?” bdiet tistaqsi lilha nnifisha. Imxiet sa tarf it-triq u minn hemm ħarġet ġo triq aktar wiesgħa. Kien id-dlam, u t-triq kienet mixgħula bi ftit bozoz imwaħħlin mad-djar. Dawn ma kinux kbar. Anzi kienu ċkejknin u ħdejn xulxin. “Hawnhekk mhux belt,” bdiet taħseb. “Hawn mhux fejn noqgħod jien.” Imxiet ftit u minn ġot-twieqi bdiet tisma’ xi nies jitkellmu. F’xi djar oħra kien hemm familji miġbura madwar il-mejda jieklu l-ikla ta’ filgħaxija. Imnalla kienet kielet qabel, għax kien hemm riħa tfuħ ta’ ikel!
Paġna 2
null
Kompliet timxi u fit-tarf tat-triq, fuq bank, tara tifel qed jibki. Cora marret qribu u staqsietu xi ġralu. It-tifel ħares lejha u qalilha li kien mitluf. Qalilha li hu kien ilu f’dak ir-raħal minn filgħodu u ma jafx kif sab ruħu hemm. Kompla jgħidilha li kien mar ġo ħanut tal-kotba u beda jdurhom kollha biex jixtri wieħed ħalli jaqrah. Sab wieħed li kellu stampa sabiħa, fetħu u beda jaqra: Darba waħda ġewwa raħal żgħir f’pajjiż imbiegħed kien hemm tifel miexi ġo triq mudlama...
Paġna 3
null
“Iii, jien hekk ġrali wkoll!” qaltlu Cora. “Jien il-ktieb xtrajtu waranofsinhar u bdejt naqrah filgħaxija.” Bdew iħarsu lejn xulxin jipprovaw jifhmu x’ġara.
“Jien jisimni Francesco,” qalilha.
“U jien Cora,” weġbitu.
“Tiftakar x’kien jismu l-ktieb?” staqsieha Francesco.
“Iva,” weġbitu. “Mingħalija kien jismu ‘Jien Estora, Għinni u Nieħdok Lura’. Tgħid l-isem għandu x’jaqsam mal-istorja u l-mod ta’ kif nistgħu mmorru lura?” staqsietu.
“Jista’ jkun, imma ngħid jien, lil min irridu ngħinu? Forsi rridu nistaqsu għal xi ħadd jismu Estora? U kif?” staqsa Francesco.
“Ma nafx jien!” weġbitu lura. “Ejja nistennew ftit u naħsbu.” U hekk għamlu.
Paġna 4
null
Waqt li t-tnejn li huma kienu bilqiegħda fuq il-bank, jaraw kelb miexi fuq tliet saqajn riesaq lejhom. Kien jidher li kellu sieq minnhom imweġġgħa. Wasal qribhom u qagħad bilqiegħda fl-art u beda jinbaħ. Ma beżgħux minnu għaliex in-nebħa ma kinitx ta’ rabja, iżda qisu ried jgħidilhom xi ħaġa. Francesco qam u niżel maġenbu u beda jmellsu. Il-kelb reġa’ nebaħ u b’ħalqu qabadlu l-komma u beda jġebbdu. “Dan irid jeħodna xi mkien,” qal lil Cora. “Ejja nimxu warajh.”
Paġna 5
null
Il-kelb qam u mexa lejn mnejn kien ġie. Beda jieqaf kull ftit passi biex ikun żgur li Cora u Francesco kienu qed jimxu warajh. Il-kelb, miskin, kien jidher li muġugħ mill-mod li bih kien miexi. Wara li mxew mhux ħażin waslu fi ġnien pubbliku. Daħlu ġewwa u baqgħu jimxu warajh sakemm waslu qrib ħajt. Hawnhekk il-kelb waqaf u beda jinbaħ. Mal-art, tmiss mal-ħajt, kien hemm ħofra li minnha bdew jisimgħu xi krib.
Paġna 6
null
Francesco ttawwal u ra ġeru. Il-ħofra ma kinitx fonda ħafna u għalhekk iddendel u niżel ġo fiha. Francesco refa’ l-ġeru u newlu lil Cora. Cora ħaditu b’ġentilezza u newlitu lill-kelb. Dan beda jferfer denbu bis-saħħa u beda jilgħaq lill-ġeru.
Sadanittant, Francesco bl-għajnuna ta’ Cora, irnexxielu joħroġ mill-ħofra. Kemm ħassewhom ferħanin li kienu salvaw lill-ġeru! Kemm kienet xi ħaġa sabiħa li fehmu li l-kelb beda jitlobhom l-għajnuna! U hawnhekk fehmu li kienu għadhom kemm għenu lil xi ħadd.
Paġna 7
null
Il-klieb resqu viċin tagħhom u waqfu jħarsu lejhom, qishom qed jirringrazzjawhom. Francesco u Cora niżlu għarkopptejhom imellsuhom, u dak il-ħin stess Cora sabet ruħha fil-kamra tagħha, fuq is-sodda tmelles il-ktieb. Lanqas setgħet temmen x’kien ġara, imma żgur li ma setgħetx tinsa din l-esperjenza sabiħa. Hija tgħallmet li meta tgħin lil ħaddieħor tħossok ħafna aħjar.
Paġna 8
Tmiem
oBooksoCoinsNotificationsProfileOrganisations