(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Daqqa t'Id

Il-familja tagħna hi magħmula minn erba' membri. Hemm jiena, ħija l-kbir, ommi u missieri. Jiena l-hena tiegħi immidd idejja fid-dar, iżda mhux dejjem iħalluni nagħmel dan. Minħabba fihom ikolli nagħmel il-geddum. Meta ma jkunux iriduni ħdejhom, malajr jibagħtuni nilgħab bil-ġugarelli. Jaħsbu li jien nieħu gost nilgħab il-ħin kollu.
null
Paġna 1
Lanqas ħallewni nagħti daqqa t’id. Mhux hekk jgħidu l-kbar, “Ejja agħti daqqa t’id!” meta jkunu jriduk tgħin? Jien sirt nitkellem bħalhom ukoll imma lili ħadd ma jagħti kasi. Inħossni kbira biżżejjed biex naħdem fid-dar jien ukoll. Ma rawx kemm irċevejt kartolini meta għalaqt erba’ snin? Hemm għadhom imdendlin fil-kamra tiegħi.
null
Paġna 2
Kos, kultant ma nifhimhomx ’il dawn il-kbar, taf. Kif tista’ tgħinhom jekk tagħti daqqa t’id? Meta jtini daqqa t’id Kurt tgħidx kemm iweġġagħni għax idejh goffi u ħoxnin dak. Jien ma nħallihx b’xejn lanqas. U meta weħilli l-ikel u tani daqqa t’id fuq dahri l-papà, ġejt wiċċi fil-platt u tgħidx kemm daħku bija!
null
Paġna 3
Xi minn daqqiet il-mamà nismagħha tgħid, “Ġbartuhom il-pupi? Dalwaqt niġi nagħti daqqa t’għajn,” u jien tgħidx kemm nibda ngħatti għajnejja. Ajma ħej! Xi ġlieda bl-għajnejn ikun jonqos hawn ġew. Mhux biżżejjed ikun hawn ġenn! Jien mill-ewwel nobdiha u mmur niġbor dawk il-pupi mill-art. Mhux bħal ħija!
null
Paġna 4
Mid-dehra dawn il-kbar kollha ġellidin. Darba waħda l-papà smajtu jitkellem fuq it-telefown u beda jgħid, “Inti għaddi s’hawn. Kulma trid daqqa ta’ pinna…” Imbagħad jien mort nistaqsihom jekk iridux daqqa t’id u kulħadd bagħatni ’l hemm. Għalkemm għadni żgħira, jien xorta waħda nifhem u kapaċi nagħmel dak kollu li jqabbduni. Ma nafx għaliex ma jħallunix ngħinhom għax dak li s-soltu tqabbadni nagħmel il-mamà dejjem għamiltu sew.
null
Paġna 5
Dan l-aħħar iddeċidew li jiżbgħu s-salott u meta mort biex ngħinhom il-papà bagħatni ’l hemm, iżda lil ħija ħallieh jgħinhom. Hekk mhux sewwa! Jien ukoll nixtieq ngħinhom jiżbgħu s-salott. Veru li għandi jdejja żgħar u ma tantx jesgħu affarijiet, imma jien nieħu gost inkun hemm ukoll. Dejjem nista’ nagħti daqqa t’id ċkejkna. Mhux hekk?
null
Paġna 6
Stenna ftit, forsi mhux daqqa t’id iridu wara kollox… imma daqqa ta’ sieq! Iva, hekk se nagħmel, se ninżel ħdejhom u nibda nagħtihom daqqa ta’ sieq kollha kemm huma!
Kos, il-lingwa Maltija! Kemm għandha frażijiet differenti bil-kelma daqqa... daqqa t’id, daqqa t’għajn, daqqa ta’ pinna, daqqa ta’ sieq... Qatt ma bsart li jista’ jkollhom dawn it-tifsiriet differenti!
null
Paġna 7
Tmiem