Kull sena, lejn tmiem is-sena skolastika, is-Sur Camilleri kien iħobb jagħti tislima speċjali lit-tfal tas-sitt sena. Dawn it-tfal ikunu se jħallu l-iskola tiegħu għalkollox, għaliex issa kibru u minn Ottubru ta’ wara jibdew jattendu skola sekondarja.
U biex jibqgħu jiftakru ż-żmien ħelu li għaddew f’dik l-iskola fis-snin bikrin ta’ ħajjithom kien jagħmlilhom festin żgħir bejniethom. Kien ikellimhom għall-aħħar darba u jsellmilhom minn qalbu.
Għal dan il-festin, is-Sur Camilleri kien ikollu wkoll xi mistidnin bħal ngħidu aħna l-kappillan, il-prinċipal tal-kulleġġ u l-għalliema kollha tal-iskola tiegħu. U m’hemmx għalfejn ngħidu, għalkemm ma kienx ikun mistieden, Ċinu l-ġurdien kien ikun minn tal-ewwel hemmhekk.








