(Il-kontenut tal-Kotba Diġitali żviluppat għall-Qari Għal Qalbi/Malti llivellat, li qiegħed miżmum fuq din il-pjattaforma u l-kodiċi HTML5 tiegħu, għandu jibqa’ l-proprjetà intellettwali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u għalhekk ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu).

Ċinu 2: L-Għid it-Tajjeb

Is-Sur Camilleri kien iħobb jara lit-tfal tal-iskola tiegħu jinteressaw ruħhom f’dak kollu li jkun qed jiġri madwarhom. Jekk ikun riesaq il-Milied kien jara kif jagħmel biex jara lit-tfal kollha ferħanin. Jekk tkun qorbot il-Ġimgħa l-Kbira jistenna li kulħadd jagħmel bħalu u jinġabar iktar fih innifsu u jnaqqas miċ-ċajt u l-kliem żejjed. Imma mat-tfal mhux dejjem kien jirnexxilu f’ħaġa bħal din għax ftit huma dawk li kapaċi jifhmu affarijiet serji bħal dawn. Imma s-Surmast kien jipprova xorta waħda u ma kien iħalli lil ħadd u lil xejn jaqtagħlu qalbu.
Għalhekk, għal dik is-sena, fil-jiem ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira rama s-sala tal-iskola b’ħafna vari mdaqqsin. Żejjinhom bix-xemgħa u l-fjuri u kuljum waranofsinhar kien jiġbor lit-tfal quddiem dawn il-vari u jkellimhom fuq xi waħda minnhom. Il-kor tal-iskola kien ikanta xi żewġ innijiet xierqa u mbagħad is-Surmast flimkien mat-tfal kien jgħid ħames posti Rużarju.
null
Paġna 1
Dik il-ħabta, Ċinu l-ġurdien kien ħa kemxejn arja żejda u beda dieħel u ħiereġ fl-iskola xħin irid u xħin jogħġbu. Daqqa jdur fi klassi u daqqa f’oħra. U s-sabiħa hi li baqa’ ma nqabad qatt! L-iskola kienet saret għalih l-isbaħ palazz. U għaldaqstant fis-sala fejn is-Sur Camilleri kien rama l-vari kien iqatta’ s-sigħat. Meta ma kien ikun hemm ħadd erħilu jdur minn naħa għal oħra, jixxabbat ma’ saqajn l-imwejjed u mad-drapp li kien jiksihom u jippassiġġa bejn il-vari ħalli jiflihom sewwa. Meta kien ikun hemm it-tfal kien jitrekken xi mkien u joqgħod kwiet jara u jisma’.
null
Paġna 2
“Ma,” qalilha lil ommu, darba minnhom, meta mar ħdejha ħalli jnaqqar xi ħaġa. “It-tfal tal-iskola qed ikunu kwieti aktar mis-soltu bħalissa u l-kant li qed ikantaw ma nafx x’fatta hu, qisu jagħmilli swied ta’ qalb.”
“U int fejn tifhem fil-kant? Ikun jaqbillek tibqa’ hawn id-dar u mhux dejjem tiġri ’l barra, għax sa fl-aħħar se tiġrilek biċċa tinkiteb.”
“Illum, le, ma. Illum żgur ma noqgħodx hawn, għax għandu jkun it-tfal se jkollhom xi ġimgħa vaganzi u smajt lis-Surmast jgħidilhom li se jtellgħalhom xi rigali qabel jitilqu. Tgħid x’se jtellgħalhom, ma?”
“Xi tridu jtellgħalhom, ibni? Bħalissa qegħdin fi żmien l-Għid u naħseb li xi figolla jew xi bajda taċ-ċikkulata jista’ jtella’ bix-xorti.”
“Min jaf kemm ikunu tajbin, ma!” weġibha Ċinu waqt li meċlaq xufftejh.
null
Paġna 3
Wasal l-aħħar jum ta’ qabel il-vaganzi tal-Għid u waranofsinhar is-Surmast u t-tfal kienu mill-ġdid fis-sala tal-iskola biex jagħmlu l-Via Sagra. Imbagħad meta t-talb u l-kant intemm, is-Sur Camilleri ġab kaxxa kbira minn kamra oħra u ħareġ minnha żewġ boroż.
“Issa se ntellgħalkom,” qalilhom, “żewġ rigali tal-Għid. Hawn għandi żewġ boroż u f’kull waħda minnhom hemm bajda kbira taċ-ċikkulata, kif ukoll figolla li għandha forma ta’ ħaruf…”
“Sewwa qalet ommi,” qal Ċinu l-ġurdien bejnu u bejn ruħu. “Bajda taċ-ċikkulata u figolla. Mhux li kien jaħasra kont nista’ nduqhom għax min jaf kemm huma tajbin.”
null
Paġna 4
Malli t-tfal semgħu l-aħbar tas-Surmast ferħu qatigħ u għajnejhom xegħlu. Kulħadd xtaq f’qalbu li x-xorti tgħinu xi ftit u jirbaħ borża minnhom. Bl-eċitament li qabadhom it-tfal bdew jitkellmu bejniethom, għalhekk is-Surmast kellu joqgħod jistenniehom jieqfu mid-diskors qabel seta’ jkompli jkellimhom u jfissrilhom x’kien beħsiebu jagħmel.
“Issa, tfal, ifhmuni sewwa. Araw kif se jintrebħu dawn iż-żewġ rigali. F’din il-kaxxa li hawn fuq il-mejda hemm ħafna biċċiet tal-karti żgħar mitwijin. Fosthom hemm tnejn li hemm miktub fuqhom ‘L-Għid it-Tajjeb’ filwaqt li l-oħrajn huma kollha vojti. Issa jien niġi ndur u kulħadd idaħħal idu u jieħu karta waħda biss minn ġol-kaxxa. Tiftħuhiex qabel ma jkun ħa karta kulħadd. Malli mbagħad ngħidilkom, iftħuha u ta’ min tinzerta li fuqha jkollha l-kliem ‘L-Għid it-Tajjeb’, ikun ir-rebbieħ ta’ waħda minn dawn il-boroż. Kulħadd fehemni, jew le?”
null
Paġna 5
Ħadd ma tkellem, għalhekk is-Sur Camilleri beda jdur mat-tfal bis-sabar kollu u jiggustahom jieħdu karta minn ġol-kaxxa. Malli dar lit-tfal kollha tahom l-ordni biex kulħadd jiftaħ il-karta tiegħu. Tgħid min kien se jirbaħ dawk il-boroż? Minnufih min-naħa ta’ wara tar-ringiela tat-tfal instema’ Robert jgħajjat u jgħid, “Tiegħi… Tiegħi!”
U hekk kien tabilħaqq. Il-karta li kellu f’idejh Robert kien fiha l-kelmiet ‘L-Għid it-Tajjeb’ u s-Surmast wara li fela l-karta, qisu bilkemm ried jemmen li x-xorti għenet lil tifel imqarqaċ bħal Robert, newwel borża minn dawk it-tnejn li kellu lil dan it-tifel. Borża bil-bajda taċ-ċikkulata u bil-figolla!
null
Paġna 6
“Aktar ma hu mqareb aktar hu xortih tajba…” beda jgerger Ċinu l-ġurdien, li ħassu jgħir mhux ftit għal Robert.
“Jonqos karta oħra…” beda jgħid is-Surmast waqt li qagħad iħares ’l hawn u ’l hinn fost it-tfal. “Araw il-karta l-oħra għand min hi għax fadal borża oħra x’tintrebaħ.”
It-tfal kollha reġgħu ħarsu lejn il-karta tagħhom imma, mid-dehra, ta’ kulħadd kienet vojta. Ħadd ma tkellem. Tgħid kienet għand xi ħadd miż-żgħar u ma kienx induna? L-għalliema dlonk bdew iduru fost it-tfal biex jiflulhom il-karti imma baqgħu ma sabux il-karta rebbieħa l-oħra. Dawn x’affarijiet huma! Is-Surmast beda jinkwieta għax ħaseb li bil-għaġla kien kiteb karta waħda biss. Issa x’se jagħmel? U billi kien għad fadal xi nofs tużżana karti oħra fil-kaxxa, għax xi tfal kienu fallew l-iskola dakinhar, is-Surmast ġabarhom f’idejh u qagħad jiftaħhom waħda waħda. Imma dawn ukoll kienu vojta! Dawn affarijiet li ma jitwemmnux!
null
Paġna 7
Iżda fid-daqqa u l-ħin tifla tas-sitt sena li wkoll kienet xi ftit fuq tagħha, resqet lejn is-Surmast u minn taħt l-ilsien qaltlu xi ħaġa li kellha x’taqsam ma’ din il-praspura. Wara li semagħha sewwa, is-Sur Camilleri mexa bil-ħeffa għan-naħa fejn kien hemm Robert bil-borża f’idu, u mingħajr ma kellmu xejn daħħal idu fil-but tal-ġakketta ta’ dak it-tifel u minnha ħareġ żewġ karti żgħar oħra. Fetaħhom u fuq waħda minnhom kien hemm il-kliem ‘L-Għid it-Tajjeb’. Dak il-ħin is-Surmast telgħetlu fawra għal wiċċu u beda jħossu rrabjat għal dak it-tifel mhux ftit.
“Prosit għalik, Robert. Ma kontx naf li int tifel daqshekk brikkun minbarra li int imqareb. Ġib dik il-borża ’l hawn għax ma jistħoqqlokx tieħu r-rigal. Ma tistħix tagħmel ħaġa bħal din? Fejn hu t-tagħlim li tisma’ mingħandna biex dejjem tkun tifel onest? Issa se jkolli ntella’ r-rigali mill-ġdid u din id-darba int mhux se tieħu sehem. Ħaqqek iktar minn hekk tafx, imma għal-lum naħfirlek bħalma għallimna nagħmlu Ġesù.”
null
Paġna 8
Ċinu berraq għajnejh xħin fehem x’kien għamel Robert u ma setax jieqaf igerger u jgħid: “X’għarukaża ta’ tifel!”
Robert kien għamel biċċa ta’ wieħed pastaż. Minflok ma ħa karta waħda mill-kaxxa bħall-oħrajn, ġibed bil-moħbi xi erbgħa f’daqqa, biex mingħalih ikun żgur li jirbaħ ir-rigal hu. Imma x-xitan ma ħamilx għax iż-żewġ karti bil-kitba fuqhom ġew it-tnejn għandu. Dik it-tifla kienet intebħet b’li għamel Robert u ma rathiex bi kbira li tmur tgħid lis-Surmast.
null
Paġna 9
“Ħaqqu!” qal Ċinu jitbissem. “Dak li jiġrilu min ikun egoist.”
Is-Sur Camilleri ġabar il-karti kollha mingħand it-tfal u reġa’ qassamhom mill-ġdid. U din id-darba r-rigali ntrebħu imma, oħroġ il-għaġeb, wieħed mir-rigali rebħitu oħt Robert, tifla ċkejkna u kwieta qisha anġlu. Hekk jew hekk issa dak ix-xifajk ta’ tifel xorta kien se jmissu biċċa mill-bajda u mill-figolla!
null
Paġna 10
Tmiem